Merkel għadha kunfidenti li għad hemm ċans għal ftehim dwar Brexit

    Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel illum qalet li temmen li ftehim dwar Brexit bejn ir-Renju Unit u l-Unioni Ewropea għadu jista’ jintlaħaq, hekk kif wiegħdet li se tkun qed tagħmel l-almu tagħha f’dan ir-rigward.

    Waqt li kienet qed tindirizza lill-Kamra tar-Rappreżentanti Ġermaniża, Merkel qalet li għad hemm biżżejjed żmien biex jinstab ftehim. “L-Unjoni Ewropea fi ftit xhur se tkun qed tesperjenza l-ħruġ ta’ membru importanti għaliha, il-ħruġ tar-Renju Unit,” saħqet Merkel.

    “Ninsab konvinta li għad hemm iċ-ċans biex il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jsir b’mod ordnat u l-Gvern Ġermaniża se jkun qed jaħdem biex dan jibqa’ possibbli,” hija żiedet tgħid.

    Madankollu hija żiedet tgħid li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit naqsu milli jilħqu ftehim fuq numru ta’ kwistjonijiet fir-rigward ta’ Brexit u li l-Ġermanja tinsab lesta għall-eventwalità ta’ Brexit mingħajr ftehim.

    Il-Prim ministru Brittaniku Boris Johnson ilbieraħ issospenda l-Parlamennt wara sensiela ta’ nuqqas ta’ qbil mal-Membri Parlamentari dwar il-pjan għal Brexit. Fl-istess waqt huwa insista li kien qed jagħnmel dak kollu possibbli biex jintlaħaq ftehim mal-Unjoni Ewropea.