Fr David Muscat: “LGBTQ … sal-aħħar tas-seklu se jkunu użaw l-alfabet kollu”

    Fr David Muscat jgħid, “taħsibx li hemm persuni f’din l-orjentazzjoni li kburin bl-LGBTQ”…

    F’intervista mtella’ minn ‘maltastory’, Fr David Muscat qal li l-Knisja ma tridx li ssir diskriminazzjoni kontra l-persuni omosesswali, fl-istess waqt huwa kkwota l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika li jgħid ċar u tond li l-omosesswalità hija diżordni oġġettiv. Fil-fatt, fl-intervista ta’ qabel huwa qal li, “sess raġel ma’ raġel, mara ma’ mara għall-Knisja huwa żbaljat. Skont il-Katekiżmu jgħidlek ċar li huwa diżordni oġġettiv, skont it-tagħlim ta’ San Pawl u t-tradizzjoni, erħilu li jgħid ukoll li għandna nimxu b’modrija kbira u m’għandiex issir diskriminazzjoni.” Mistoqsi minn min kien qiegħed jintervistah jekk jarax dawn il-ħsibijiet bħala opposti, huwa sostna li le. 

    Huwa qal li dan ir-raġunament jispjegah tajjeb il-Professur Kreeft fejn jgħid li, “il-Knisja dejjem taċċetta lill midneb u tagħmlu merħba. Il-Knisja mhix għall-perfetti. It-tabib ġie għall-morda biex ifiequ.” Huwa żied jgħid li Professor Kreeft jagħmilha ċara l-għażla bejn id-dnub u l-midneb. “Bħal meta jiena qed nipprova ngħin lil wieħed li qiegħed fil-vizzju tal-logħob, inħobbu u nirrispettah pero nobgħod il-logħob li għandu u rrid ngħinu biex joħroġ minnu. Għalhekk ma narax kontradizzjoni bejn it-tnejn. Ġesù jgħid ‘Ġejt biex insejjaħ għall-indima’. Issa jekk ma naċċettawx li aħna midinbin, mela l-messaġġ nisrani ma jgħoddx għalina.”

    Mistoqsi kif l-istat għandu jilleġisla fil-konfront ta’ din il-minoranza, huwa qal li għandu jagħmel dan, “żgur mhux kif qiegħed jagħmel issa”. Fl-istess waqt huwa qal li, ”din il-minoranza jew hi x’inhi, taħsibx li hemm persuni f’din l-orjentazzjoni li kburin b’dan l-LGBTQ… XYZ.” 

    Fr Muscat qal li kif qiegħed jagħmel bħalissa l-istat, qiegħed joħloq ħafna kumplikazzjonijiet serji. Huwa fisser, “inti omm, jiena nista’ nkun missier, minix għax jien qassis. Għaliex int m’intix imniżżla bħala omm jew missier fil-karti tal-Gvern? X’iġifieri tifel meta jikber dan ma jafx min hu l-missier jew l-omm bioloġiċi tiegħu. Illum nafu li kulħadd jenfasizza prodotti naturali u lura għan-natura.”

    Huwa żied jgħid li dan jidher ukoll fil-każijiet tal-isports fejn irrefera għall-każijiet serji fl-Istati Uniti. Fr Muscat ta eżemplu bil-weight lifting fejn, “tiġik waħda transgender tidħollok mat-team tan-nisa imma bioloġikament għandha saħħa ta’ raġel, ikaxkru l-medalji kollha u l-atleti n-nisa l-oħra ma jistgħux jilmentaw.”

    Fr Muscat ta eżempju ukoll tal-waterpolo, “immaġina tim tal-waterpolo jkun irid saħħa kbira. Jiġik raġel u għax għamel operazzjoni dan u jidħollok mat-tim. Iħarbatulek dan.” Huwa żied jgħid li, “in-nisa għamlu tant avvanzi biex l-isport tagħhom jiġi stmat u minħabba l-kapriċċi ta’ dawn jiġi sfrattat kollox.”