“L-unjins għandhom itellgħu s-saħħa mentali ’l fuq fl-aġenda”

    Jisħaq dan il-Ministru Bartolo; Il-GWU diġà addottat politika simili fl-2018…

    Waqt konferenza ‘Flimkien għal Saħħa Mentali Aħjar” li saret it-Tnejn li għadda, il-Ministru għall-Edukazzjoni u għax-Xogħol Evarist Bartolo saħaq li huma importanti li kemm dawk li jaħdmu kif ukoll l-unjins għandhom itellgħu s-saħħa mentali ’l fuq fl-aġenda. B’reazzjoni għal dan, tkellimna mal-President tal-General Workers’ Union (GWU) Victor Carachi, li kien preżenti għal din il-konferenza, fejn spjega li bħala Union diġà addottat politika simili fl-2018 u saħaq li huwa dover bħala unjins li fil-ftehim kollettiv dawn l-affarijiet jiġu mħarsa u implimentati.

    Il-Politika tas-Saħħa Mentali fuq il-post tax-xogħol kienet ġiet approvat mid-delegati tal-GWU waqt il-Kungress Nazzjonali Straordinarju li sar f’Ottubru tas-sena l-oħra. Din il-politika saret biex tippermetti lill-GWU tkun tista’ tippromwovi u tissalvagwardja b’mod poz?ittiv is-saħħa mentali tal-impjegati tagħha, uffic?jali eletti u membri. Tirrikonoxxi li l-problemi tas-saħħa mentali fuq ix-xogħol, b’mod partikolari l-istress, huma kwistjoni organizzattiva li l-GWU għandha r-responsabbiltà li tindirizza.

    B’dan il-mod, l-Union timmira li tipprovdi ambjent tax-xogħol fejn l-impjegati tal-GWU jistgħu jitkellmu b’mod miftuħ dwar il-problemi tax-xogħol u tas-saħħa mentali tagħhom u jirrappurtaw diffikultajiet mingħajr biża’ ta’ diskriminazzjoni jew tpattija. L-għanijiet ta’ din il-politika huwa li timmaniġġja l-istress, iżżid l-għarfien u l-kuxjenza dwar is-saħħa mentali, tittratta l-fatturi tax-xogħol li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa mentali, fost l-oħrajn.

    Il-President Carachi qal li, “bħala GWU għandna Politika tas-Saħħa Mentali fuq il-post tax-xogħol fejn naraw li l-employers, organizzazzjonijiet u kumpaniji jkollhom ukoll din il-Politika li tilħaq lill-impjegati kemm jista’ jkun malajr, qabel ma l-problema tikber.” Huwa qal li għandu jkun hemm l-għodda neċessarji, li huma parti mill-Health and Safety Risk Assessment, biex jiġu identifikati dawk il-persuni vulnerabbli li jista’ jkollhom problema imma għadha fil-bidu tagħha.

    Il-GWU tirrikonoxxi li l-problemi tas-saħħa mentali u l-istress jistgħu jaffettwaw lil xi ħadd irrispettivament mill-pożizzjoni tagħhom fl-organizzazzjoni. Il-President Carachi spjega li, “kif nafu llum ħafna mill-kumpaniji implimentaw dak li jissejjaħ performance mangement fejn il-persuni jkollhom objettivi, jiġu assessjati u jingħatalhom kumpens skont jekk jilħqux l-objettivi tagħhom. Dawn kultant jistgħu jkunu iebsin u jikkawżaw l-istress. Mhux qiegħed ngħid li l-postijiet tax-xogħol jikkaġunaw imwiet, imma kellna każijiet fejn il-ħaddiema waslu f’punt estrem. Individwu jista’ jkollu problemi familjari u flimkien ma’ kwistjonijiet tax-xogħol jista’ jkun li l-problema tiżdied.”

    Il-President Carachi qal ukoll li llum il-ġurnata bit-teknoloġija kollha li teżisti u bl-internet, dak li jkun jkollu t-tentazzjoni li fi tmiem il-ġimgħa ma jiehux il-mistrieħ li ħaqqu. Fuq dan il-punt, huwa sostna ukoll l-importanza tal-Work Life Balance, direttiva li kienet approvata b’maġġoranza kbira mill-Parlament Ewropew. Kien proprju s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li qal li jemmen li għandu jinbeda l-proċess ta’ implimentazzjoni u sostna li bħala Union se jibdew jiddiskutu fil-bord tal-relazzjonjiet tal-impjieg biex dawn jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli. Il-GWU temmen li f’dinja tax-xogħol moderna u b’aktar għarfien dwar is-saħħa mentali, il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja saret xi ħaġa fundamentali.

    Fil-Politika tas-Saħħa Mentali fuq il-post tax-xogħol, il-GWU tiżgura li l-impjegati għandhom miri realistiċi u stabbiliti li ma jeħtieġux li jaħdmu sigħat mhux raġonevoli, li jkollhom għanjiet u responsabbiltajiet definiti b’mod ċar u huma pprovduti b’sapport tajjeb ta’ tmexxija, taħriġ xieraq u riżorsi adegwati u tiżgura li l-post tax-xogħol huwa ħieles mill-bullying u l-fastidju.

    Il-President Carachi laqa’ l-istrateġija nazzjonali għas-saħħa mentali u qal li, “ladarba l-istrateġija hija għal għaxar snin, huwa importanti ħafna li jkun hemm struttura ta’ management biex din l-istrateġija tiġi implimentata. Huwa importanti li jkun hemm nies imħarrġa bi project management skills u jkun hemm tim iddedikat għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Ovjament ukoll, irid ikun hemm baġit allokat u l-impenn, dedikazzjoni u l-enerġija biex tassew tiġi implimentata. Qegħdin nitkellmu fuq sptar ġdid, kura fil-komunità, fost ħafna inizjattivi u huwa importanti li jkun hemm dawn it-tragwardi ċari li jintlaħqu.”