Bowling: Mark Spiteri jirbaħ il-midalja tal-bronż fit-Tazza tad-Dinja tas-Seniors

    Il-bowler Malti, Mark Spiteri, rebaħ il-midalja tal-bronż fit-Tazza tad-Dinja tas-seniors liema tournament sar f'Las Vegas, l-Istati Uniti.

    Wara li spiċċa fit-tielet post minn 159 player minn 41 pajjiż different fejn lagħab medja ferm għolja ta' 223, Spiteri kellu jiffaċċja lill-Amerikan, Lennie Boresch, li kkwalifikaw fit-tielet pożizzjoni.

    Kienet taqtiegħa ferm eċċitanti sas-seba' frame meta żball żgħir minn Spiteri fetaħ it-triq lil Boresch għal rebħa ta' 246-223. Il-bowler Amerikan kompla għaddej biex eventwalment rebaħ dan l-unur tant prestiġjuż meta fil-finali għeleb lill-Kanadiż, Michael Snow.

    Wara din il-kategorija, intlagħbu wkoll dawk tad-doubles, tat-timijiet u tal-Masters.

    Din il-midalja tal-bronż titqies bħala suċċess kbir għal Spiteri. L-Assoċjazzjoni Maltija tal-bowling irringrazzjat lill-Awtoritá tat-Turiżmu ta' Malta, VisitMalta.com, l-Eden Super Bowl u l-MTBA, li mingħajr l-għajnuna tagħhom kien ikun impossibbli li Malta tkun rappreżentanta f'dawn il-kampjonati mondjali.