ISA: Lufthansa Technik Malta jipparteċipaw b’suċċess f’tournament internazzjonali

    Ir-runners-up tal-kampjonat tal-Industries Sports Association fl-istaġun 2018/19 – Lufthansa Technik Malta – ħadu sehem b’suċċess f’tournament internazzjonali organiz­zat minn Lufthansa Sportverein e.v., f'Hamburg, il-Ġer­manja. 

    B’kollox ħadu sehem 16-il team li jagħmlu parti mill-grupp sussidjarju tal-Lufthansa.  Fost dawn kien hemm timijiet mill-Ġermanja, l-Italja, il-Bulgarija, il-Kroazja u Iżrael.

    Fl-istadju tal-gruppi, Lufthansa Technik irnexxielhom jispiċċaw l-ewwel fil-grupp min­għajr telfa, b‘ħames rebħiet u żewġ draws, biex b’hekk spiċċaw fil-quċċata tal-klassifika bi 17–il punt u skorjaw xejn anqas minn 10 goals u sof­rew goal wieħed biss, biex b’hekk għaddew għas-semi-finali.

    Fis-semi-finali Lufthansa Technik Malta kel­lhom prestazzjoni tajba f‘logħba kumbattuta kontra t-team b’saħħtu ta‘ Croatia Airlines, bir-rebħa setgħet marret kull naħa. 

    Sal-ħin regolamentari, l-iskor kien dak ta‘ 1-1, biex iż-żewġ timijiet marru għall-għoti tal-penalties li ċaħħdu lil Lufthansa Technik Malta milli jikkwalifikaw għall-finali, fejn il-Kroati skorjaw tlieta u l-Maltin sabu x-xibka darbtejn biss.

    Minkejja din it-telfa, Lufthansa Technik irnexxielhom jirbħu l-partita għat-tielet u r-raba‘ postijiet biex temmew l-impenji tagħhom fuq nota pożittiva.

    Protagonista fit-team ta‘ Lufthansa Technik Malta kien l-attakkant prolifiku tagħhom,    Steve Buttigieg, li bit-tmien goals li skorja rebaħ l-unur tal-aqwa skorer ta‘ dan it-tournament internazzjonali.

    Ċertament li dan is-suċċess miksub iqawwi qalb il-players u d-diriġenti ta‘ Lufthansa Technik Malta fil-preparazzjonijiet tagħhom għall-istagun 2019/20 li se jibda fl-ewwel Sibt ta’ Ottubru, fil-Mater Dei School Ground, l-Imsida.