Falza stikka! Jaħsbuh li kien taħt l-età... kien missier ta' 36 sena!

    Il-midja soċjali barranija splodiet b’kummenti ta’ rabja wara li dan ir-raġel deher ipejjep waqt logħba ta’ ħbiberija bejn Bursaspor u Fenerbache.

    Iż-żewġ timijiet Torok iddeċidew li jieħdu vantaġġ mill-waqfa miħabba partiti tan-nazzjonal u għaqqdu logħba ta’ ħbiberija biex jgħinu pazjenti bil-kanċer fost kundizzjonijiet oħra.

    Il-kamera ħin minnhom waqfet fuq dan ir-raġel li mal-ewwel daqqa t’għajn deher li kien tifel taħt l-età u għalhekk bosta xerrdu ritratti tiegħu bis-sigarett biex jiġi identifikat.

    Is-saħħa tal-midja malajr wasslet biex jiġi identifikat u anke jekk ma tantx titwemmen, irriżulta li kien sapporter ta’ Bursaspor u li ta’ 36 sena kien qiegħed igawdi l-logħba ma’ ibnu.

    Hekk hu, dak li deher li kien minorenni rriżulta li kien missier ta’ 36 sena u li kien qiegħed jgħin favur kawża ġusta filwaqt li jgawdi r-rebħa ta’ 2-1 tat-tim li jżomm miegħu.