“Nomina mistħoqqa għal Helena Dalli”

    Il-General Workers’ Union tilqa’ b’sodisfazzjon in-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza u temmen li l-esperjenza kbira li kisbet f’pajjiżna, kkaratterizzata minn ħidma li għamlet id-differenza fis-soċjetà Maltija, se tgħinha biex tagħmel l-istess fuq livell Ewropew. Il-Union tqis ukoll li l-għażla tal-persuni biex iservu fuq il-Kummissjoni Ewropea ġdida huwa messaġġ lejn Ewropa aktar soċjali u progressiva. 

    Il-GWU tinnota li n-nomini li għamlet il-Kummissarju Ewropew Ursola von der Leyen mhux biss qed jagħtu Kummissjoni Ewropea li hija bbilanċjata f’dak li huwa ġeneru tal-persuni magħżula, iżda wkoll li l-aktar responsabbiltajiet importanti fl-oqsma tax-xogħol, progress soċjali, ekonomija u ambjent qed ikun propost li jitħaddmu minn persuni b’politika xellugija u li għamlu differenza pożittiva fil-pajjiżi rispettivi. 

    Il-GWU, filwaqt li tawgura lil Helena Dalli għan-nomina mistħoqqa tagħha, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) se tkun qed tosserva l-ħidma u d-direzzjoni li se tkun qed tagħti l-Kummissarju Ewropew Ursola von der Leyen. It-tama hija li n-nomini magħmula jwasslu għall-progress soċjali u żvilupp sostenibbli b’ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ta’ kwalità.