Il-Kummissarju Helena Dalli se tmexxi l-portafoll tal-ugwaljanza

    Bħala Kummissarju fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, Helena Dalli se tkun qiegħda tmexxi l-portafoll tal-ugwaljanza. Ħabbret dan il-President elett tal-KE Ursula von Der Leyen hekk kif matul il-jum tal-bieraħ ippreżentat it-tim tagħha u l-istruttura l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss. 

    Il-Kummissjoni l-ġdida se tirrifletti l-prijoritajiet u l-amizzjonijiet stabbiliti fil-Linja Gwidi Politiċi. Il-Kummissjoni hija mfassla madwar l-għanijiet li fuqhom ġiet eletta l-President elett von der Leyen mill-Parlament Ewropew.

    Fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha, hemm il-bżonn li tiġi indirizzata t-tibdil fil-klima, it-teknoloġija u d-demografija li qed jittrasformaw l-istil ta’ ħajja u s-soċjetajiet tagħna. 

    Il-President elett Ursula von der Leyen qalet: "Dan it-tim se jagħti x-xejra lill-Mod Ewropew: se nieħdu azzjoni b'saħħitha kontra t-tibdil fil-klima, nibnu l-isħubija tagħna mal-Istati Uniti, niddefinixxu r-relazzjonijiet tagħna ma' Ċina dejjem iktar kunfidenti fiha nnifisha u nkunu ġirien affidabbli, pereżempju għall-Afrika. Dan it-tim se jkollu jiddefendi l-valuri u l-istandards globali għolja tagħna. Irrid Kummissjoni li hija mmexxija mid-determinazzjoni, li hija ffukata b'mod ċar fuq il-kwistjonijiet preżenti u li tagħti tweġibiet. Irridha li tkun Kummissjoni ibbilanċjata sew, aġli u moderna. Dan it-tim issa jrid jikseb il-fiduċja tal-Parlament. Il-Kummissjoni tiegħi se tkun Kummissjoni ġeopolitika b'impenn lejn politiki sostenibbli. U lill-Unjoni Ewropea rridha tkun il-gwardjan tal-multilateraliżmu. Għaliex nafu li aħna aktar b'saħħitna meta nagħmlu flimkien dak li ma nistgħux nagħmlu waħedna”.

    Intant, il-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu għall-Kulleġġ sħiħ ta’ Kummissarji, inkluż ir-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea.

    Dan jiġi preċedut mis-seduti ta’ smigħ tal-Kummissarji-nominati fil-kumitati Parlamentari rilevanti, skont ir-Regoli ta’ Proċedura ta’ Parlament. Ladarba l-Parlament Ewropew ikun ta l-kunsens tiegħu, il-Kunsill Ewropew jaħtar b’mod formali lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 17(7) TUE.