Festa tal-Madonna taċ-Ċintura fir-Rabat, b’risq persuni li jbatu b’nuqqas ta’ saħħa mentali

    Bħal kull sena, fit-tieni ġimgħa ta’ Settembru, preċiżament mill-hdax sal-erbatax ta’ Settembru, ser tiġi ċċelebrata l-festa devota tal-Madonna taċ-Ċintura, Omm il-faraġ, fil-knisja ta’ San Mark immexxija mill-patrijiet Agostinjani fir-Rabat.  

    Matul il-jiem ta’ Tridu, ser issir it-talba tal-għasar, biċ-ċelebrazzjoni tibda fis-sitta ta’ filgħaxija. Wara l-għasar, ikun hemm quddiesa kantata, barka sagramentali u bews tar-relikwa, flimkien mal-kant tal-innu l-ġdid lill-Madonna taċ-Ċintura, versi ta’ Rev D Fenech u mużika ta’ Dr C Rolé.  

    Nhar il-festa, fl-għaxra ta’ filgħodu ser issir il- quddiesa hekk magħrufa bħala tat-Te Deum, fejn ser issir ukoll id-dilka tal-morda biż-żejt imqaddes. Fil-hamsa ta’ filgħaxija tibda’  ċelebrazzjoni solenni, bil-kant tal-vespri ġodda b’tifhir lil Alla, u wara quddiesa solenni  ċċelebrata mill-Pirjol Patri Raphael Abdilla, bis-sehem tal-orkestra u l-kor tal-Knisja San Mark, taħt id-direzzjoni tal-Maestro di cappella Dr Chris Rolé. Wara l-quddiesa toħrog purċissjoni bl-istatwa devota tal-Madonna taċ-Ċintura bil-barka sagramentali u bews tar-relikwa fl-aħħar. 

    Din is-sena ser tkun speċjali wkoll, għax ser issir ġabra speċjali b’risq il-fondazzjoni Lejn Xefaq Ġdid. Din il-fondazzjoni tgħin persuni li jbatu minn mard mentali serju u li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet finanzjarji fil-ħajja ta’ kuljum. Hemm bosta klijenti li gawdew mill-ġid li tagħmel din il-fondazzjoni, għalekk inħeġġu lil dawk kollha Ii jistgħu jgħinu f’dan ir-rigward sabiex jattendu għal din il-funzjoni u jagħtu kontribut zgħir.