L-uffiċjali tal-Bahamas ikkritikati dwar ir-rispons

    L-uffiċjali tal-Bahamas iddefendew ir-rispons tagħ­hom għall-Ura­gan Dorian wara li dan ħalla effett devastanti fuq partijiet ta’ dawn il-gżejjer il-ġimgħa li għad­diet. B’kollox kawża tal-uragan tilfu ħajjithom 43 persuna. 

    Ir-residenti tal-Gżejjer Abaco akkużaw lill-gvern li qiegħed jonqos milli jipprovdi assistenza u jipprevjeni milli jkun hemm serq. Apparti hekk, l-uffiċjali tal-pajjiż kellhom joħ­orġu stqarrija fejn fiha ċaħdu l-għajdut li huma qed jaħbu n-numru veru ta’ persuni li tilfu ħajjithom. Dwar dan il-Ministru tas-Saħħa Duane Sandes qal li l-prijorità mhix l-għadd iżda li tkompli għaddejja t-tfittxija għal dawk li għadhom irrapportati nieqsa u li tingħata l-għajnuna f’waqtha lil dawk li għandhom bżonn. 

    In-numru ta’ persuni mejta jista’ jitla’ sa fuq il-mijiet jekk mhux l-eluf hekk kif hemm ħafna persuni li għadhom irrapportati nieqsa. In-Naz­zjonijiet Uniti qalet li hemm xejn inqas minn 70,000 persuna li għandhom bżonn ikel u saqaf fuq rashom b’mod urġenti.  Eluf ta’ residenti miż-żoni l-iktar milqutin f’Abacos kellhom jintbagħtu lejn il-kapitali Nassau, fejn l-awtoritajiet qalu li aktarx se jkollhom jużaw tined jew kontejners biex dawn il-persuni jkollhom fejn jistkennu. 

    F’Marsh Harbour f’Abacos, 90% tal-infrastruttura ġarrbet ħsarat estensivi u l-ħaddiema tat-tfittix u salvataġġ jinsabu għaddejjin b’ħidma bla heda biex għan li jsibu iktar persuni taħt it-tifrik. Min-naħa tagħhom ir-residenti ta’ din iż-żona wrew il-frustrazzjoni tagħhom hekk kif l-għajnuna qiegħda tasal bil-mod ħafna. Persuni li tkellmu mal-midja qalu li hemm nuqqas ta’ ikel, ilma u anke fjuwil. Tant hu hekk li huma qalu li qed ikollhom jieħdu l-fjuwil minn karozzi mkissrin biex ikunu jistgħu jwasslu lil dawk il-persuni feruti lejn l-isptar.