Il-WHO tgħid li persuna twettaq suwiċidju kull 40 sekonda u tisħaq li l-pajjiżi jaħdmu aktar fil-prevenzjoni

    Waqt li kien qed jindirizza konferenza f’Ġinevra lejlet il-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidji, id-Direttur Ġenerali għall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li “kull mewt hija traġedja għall-ħbieb, qraba u kollegi”, madankollu tenna li jistgħu jiġu evitati ħafna aktar każi ta’ suwiċidji.

    Huwa tenna li l-pajjiżi kollha għandhom jinkorporaw strateġiji ppruvati għall-prevenzjoni tas-suwiċidji fi programmi nazzjonali tas-saħħa u edukattivi b’mod sostenibbli.

    Qal li mindu l-WHO ppubblikat l-ewwel rapport tagħha fl-2014, in-numru ta’ pajjiżi li qed iħaddnu strateġiji għall-prevenzjoni tas-suwiċidju żdied u issa jammontaw għal 38 pajjiż. Madankollu saħaq li l-parteċipazzjoni għadha wisq żgħira u l-gvernijiet għandhom jikkommettu ruħhom biex jintroduċu strateġiji għal dan il-għan.

    Huwa indika li mat-800,000 persuna fis-sena twettaq suwiċidju, u għal kull suwiċidju jkun hemm 20 attentat ieħor li jfalli.Tenna li kull sena l-vittmi li jwettqu suwiċidju jammontaw għal aktar imwiet min-numru ta’ vittmi kkaġunati minn gwerer u qtil f’daqqa.

    Qal li fuq skala dinjija, 79% tas-suwiċidji jseħħu f’pajjiżi bi dħul baxx u medju. Madankollu qal li dawk il-pajjiżi bi dħul għoli għandhom l-ogħla rati ta’ suwiċidju. 

    Intant il-WHO tirrakkomanda li jkun hemm taħriġ aħjar għal ħaddiema fis-settur tas-saħħa u ħaddiema mhux speċjalizzati bil-għan li jsir assessjar u mmaniġġjar aħjar ta’ mġieba suwiċidali. Dan apparti trattament fi stadju bikri f’każi ta’ diżordnijiet ta’ saħħa mentali, monitoraġġ effettiv ta’ alkoħol u sustanza illegali użata, rapportaġġ responsabbli mill-midja.