Basketball: Michael Naudi jirritorna fl-azzjoni u jiffirma ma’ Depiro

    Depiro ħabbru li Michael Naudi għadu kif iffirma magħhom. Huwa m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fix-xena tal-basketball lokali hekk kif beda jilgħab dan l-isport ta’ 15-il sena ma’ Athleta. Naudi lagħab 22 sena sħaħ ma’ dan it-team waqt li rrappreżenta lil pajjizna fit-team nazzjonali. Huwa kien ukoll jifforma parti mill-Airmalta La Collette Team lura fl-1998 fejn spiċċa fil-ħames post fil-lista tal-aqwa skorers fid-diviżjoni u rebaħ l-ewwel unur mogħti mill-BOV f’pajjiżna.

     

    Matul il-karriera twila tiegħu ma’ Athleta, huwa rebaħ xejn inqas minn disa’ kampjonati, seba’ unuri tal-Most Valuable Player (MVP) u total ta’ iktar minn 50 trofew. M’hemmx dubju li dan il-player se jkun ta’ għajnuna kbira għal Depiro hekk kif se jkun qed iġib miegħu minjiera ta’ esperjenza li żgur li għandha tkun ferm utli għad-diversi players żgħażagħ li jilagħbu ma’ dan it-team.