Standards għall-krematorija f’Malta mistennija joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin

    Wara li għaddiet il-liġi għall-krematorja f’Malta, l-uffiċċju tas-Superintendent għas-Saħħa Pubblika qal lil inewsmalta li bħalissa qiegħed jaħdem fuq l-istandards li l-krematorja jrid ikollhom. Is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika, Profs. Charmaine Gauci ħabbret li fil-ġimgħat li ġejjin dawn l-istandards se jkunu ppubblikati fuq is-sit tagħhom.

    F’Lulju li għadda għaddiet liġi li tirregola l-kremazzjoni ta’ fdalijiet umani f’Malta. Skont din il-liġi l-ġdida l-kremazzjoni tista’ ssir biss ġewwa krematorju li għandu liċenzja valida maħruġa mis-Suprintendent fejn l-operatur hu fl-obbligu li jara li l-fdalijiet umani kollha jiġu trattati b’dinjità u rispett fil-ħinijiet kollha fil-krematorju.

    Kull krematorju għandu jkollu kamra mortwarja, kamra tal-espożizzjoni, faċilitajiet adegwati biex titneħħa kull materja barranija qabel il-kremazzjoni, kamra tal-kremazzjoni u spazju fejn il-fdalijiet tal-kremazzjoni jistgħu jiġu miżmuma.

    Hekk kif is-Suprintendent tqis li applikazzjoni hija sodisfaċenti jinħareġ ċetifikat tal-liċenzja li tkun valida għal ħames snin. Il-liġi tgħid ukoll li se jkun hemm reġistru nazzjonali tal-kremazzjoni li fih tinżamm informazzjoni fost l-oħrajn tat-dettalji tal-persuni li jgħixu f’Malta li jixtiequ jkunu kkremati wara mewthom u x-xewqat tagħhom. Fl-istess reġistru se jinġabru wkoll id-dettalji ta’ persuni li jiddikjaraw b’mod espress li ma jridux li jkunu kkremati wara mewthom. 

    Kull min jixtieq li jkun kremat wara mewtu jista’ japplika biex jitniżżel fir-reġistru. Barra minnhekk mal-mewt ta’ persuna li mhix reġistrata l-għażla bejn kremazzjoni jew dfin tittieħed minn konjugi, sieħba jew koabitant; ġenitur jew wild; qarib li kien jgħix mal-persuna mejta; is-Suprintendent u f’każ ta’ tarbija li twieldet mejta, din id-deċiżjoni tittieħed mill-ġenituri ta’ dik it-tarbija; jew mis-Supritendent. jew mit-tutur, jew inkella mill-kustodju legali.

    Il-fdalijiet ta’ kremazzjoni jistgħu jinżammu jew jiġu mferrxa. Wara li ssir il-kremazzjoni l-operatur ipoġġi l-fdalijiet tal-kremazzjoni f’urna magħżula, jissiġillaha u jagħtiha lill-membri familjari li applikaw għall-kremazzjoni tal-persuna li mietet. L-urna tista’ tkun miżmuma f’residenza privata, murija f’binja bil-permess miktub tas-sid tal-istess residenza, midfuna f’qabar jew fil-baħar li f’dan l-aħħar każ ma titpoġġix f’postijiet rikonoxxuti għall-għawm jew portijiet jew inkellha titpoġġa f’kolumbarium, li hija kamra apposta fejn jitpoġġew l-urni. 

    It-tifrix ta’ fdalijiet ta’ kremazzjoni f’żoni pubbliċi mhuwiex permess, mentri f’każ li l-urna ma tkunx miġbura fi żmien sitt xhur mill-applikanti tal-kremazzjoni, l-operatur ipoġġi l-urna f’parti tal-krematorju rriżervata apposta.