Investituri joħorġu l-assi mir-Renju Unit hekk kif l-ekonomija tkompli tikkrolla

    Numru dejjem akbar ta’ investituri Ingliżi u anke minn madwar id-dinja qegħdin joħorġu l-assi tagħhom ‘il. barra mir-Renju Unit, hekk kif l-ekonomija Ingliża tinsab riesqa lejn abbiss. Dan ġie kkonfermat mis-sid ta’ waħda mill-akbar organizzazzjonijiet indipendenti fid-dinja li jagħtu pariri finanzjarji.

    Din l-osservazzjoni saret minn Nigel Green li hu l-fundatur u kap eżekuttiv ta’ deVere Group u li għandu mat-$12-il biljun investiti hemm. Stqarr dan hekk kif ġie żvelat li l-ekonomija Ingliżi kompliet tiċkien fit-tieni kwart tas-sena għall-ewwel darba f’seba’ snin.

    Green innota li l-Isterlina ħadet daqqa oħra wara li sar magħruf li l-ekonomija Ingliżi reġgħet ċkienet fit-tieni kwart tas-sena. Sostna li dan qed ikompli jżid mal-isfidi ekonomiċi li huma marbutin ma’ Brexit mingħajr ftehim.  

    Nigel Green qal li f’Lulju u f’Awwissu l-Isterlina kompliet titlef il-valur tagħha b’4.5% meta mqabbel mad-dollaru, minħabba biża’ li l-Gvern ta’ Boris Johnson qiegħed imexxi l-pajjiż lejn Brexit bla ftehim. Spjega li r-raġuni hi li ħafna ekonomisti jemmnu li jekk iseħħ dan, allura ssir ħsara ekonomika.

    Ikompli jispjega li jekk ir-Renju Unit titlaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim, allura l-Isterlina mistennija tibqa’ dgħajfa għal diversi snin, sakemm il-pajjiż u l-Unjoni Ewropea jerġgħu jiġu f’posthom.  

    Il-fundatur ta’ De Vere qal li qiegħda tiżdied l-ispekulazzjoni li fil-ħarifa se jkun hemm elezzjoni ġenerali u dan se jkompli jżid mal-inċertezza għall-Isterlina u għall-ekonomija Ingliża in ġenerali.

    Saħaq li s-sistwazzjoni tista’ ssir aktar serja jekk Gvern Laburista, immexxi minn Jeremy Corbyn jirbaħ l-elezzjoni. Sostna li l-politika ta’ taxxa għolja, profitt baxx u r-retorika ta’ kontra n-negozju jistgħu jagħtu daqq ferm akbar lill-ekonomija li diġà tinsab f’inkwiet kbir.

    Fuq kollox, Green qal li b’mod dipressanti, ir-Renju Unit jidher li qiegħed jimxi fit-triq lejn abbiss ekonomiku. Qal li minħabba f’hekk, aktar investituri Ingliżi u minn madwar id-dinja se jitħassbu dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar. Qal li b’mod inevitabbli u anke b’mod għaqli min-naħa tal-investituri, dawn se jkunu qegħdin jipprovaw jikbru u jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tagħhom billi jmexxu l-assi tagħhom lejn pajjiżi ‘l barra mir-Renju Unit permexx ta’ diversi soluzzjonijiet finanzjarji stabbiliti.

    Green qal li din it-tendenza mistennija tikber fix-xhur li ġejjin, hekk kif il-kwistjonijiet ġeo-politiċi se jkomplu jiħraxu.