Jibda x-xogħol fuq l-istrutturi għall-pont pedonali u għar-roti¬†pjanat għall-Blata l-Bajda

    Hekk kif il-ħidma fuq l-infrastruttura tat-toroq għaddejja b'ritmu daqstant mgħaġġel, hemm diversi pjani għall-infrastruttura maħsuba għal min juża mezzi alternattivi biex jivvjaġġa. 

    Ftit taż-żmien ilu, tħabbar il-bini tal-pont pedonali ġdid fi Blata l-Bajda, proġett ieħor ta' Infrastructure Malta maħsub biex iħaffef l-ivvjaġġar bil-mixi jew bir-rota bejn l-inħawi tal-Ħamrun, il-Furjana u l-Marsa. 

    Fil-fatt diġà bdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett hekk kif qed tinħadem il-gverta tal-ħadid filwaqt li minn hawn u ftit żmien ieħor il-kuntrattur se jibda jlesti l-istrutturi li se jkunu qegħdin jerfgħu l-pont, inkluż il-pedamenti tal-kolonni għall-pont. 

    Il-pont, b'disinn ġej għat-tond, se jgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma' Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Furjana. 

    F'kumment dwar dan l-investiment, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg tenna li "l-investiment li qed nagħmlu fl-infrastruttura jinkludi diversi soluzzjonijet għal diversi utenti tat-toroq tagħna. Qed naraw li ma ninsew lil ħadd u għalhekk dan il-pont huwa maħsub biex joħloq mod aktar sikur biex min jimxi jew juża r-rota jaqsam minn naħa għal oħra ta' din it-triq arterjali. Qed inneħħu wkoll il-bżonn tal-pelican lights li hemm bħalissa u għalhekk se jitjieb ukoll l-aċċess għall-waqfiet tal-karozzi tal-linja li hemm fuq kull naħa, u li jintużaw ħafna minn dawk li jivvjaġġaw minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. Irridu nkomplu naħdmu b'dan il-mod – billi nippjanaw l-infrastruttura għall-bżonnijiet ta' kulħadd."

    Il-pont se jkollu rampi baxxi biex iċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jaqsmu min-naħa ta' Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun lejn in-naħa l-oħra tat-triq fil-Marsa jew bil-kontra. 

    Ta' min jiftakar li dan hu biss wieħed minn diversi strutturi simili li pajjiżna se jkun qed igawdi minnhom hekk kif hemm pjani oħrajn għal pont simili fi Vjal l-Avjazzjoni f'Ħal Luqa, u oħrajn bħala parti mill-proġetti tas-Central Link tal-Marsa Junction.