Jitlesta rinnovar u manutenzjoni fuq housing estates fiż-Żejtun

    60 familja li joqogħdu f’9 housing estates f’Ħal Tmiem fiż-Żejtun ibbenefikaw minn xogħlijiet ta’ rinnovar u manutenzjoni. Ix-xogħlijiet li saru għandhom l-għan li jtejbu l-ambjent u l-aċċessibiltà tal-blokok u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

    F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes semma kif ix-xogħlijiet saru b’investiment ta’ madwar €175,000. 

    “B’dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ housing estates qed naċċertaw li r-residenti jgħixu f’binjiet aktar siguri, moderni u aċċessibli. Fuq kollox, nipprovdu housing kif jixraq lil min tassew għandu bżonn,” spjega s-Segretarju Parlamentari Galdes.

    Ix-xogħlijiet li saru jinkludu rinnovar tat-taraġ tal-komun, xogħlijiet strutturali fuq is-soqfa, bdil ta’ aperturi u materjal li ddeterjora maż-żmien, tindif tal-bjut u waterproofing, tneħħija ta’ materjal ta’ asbestos, u tiswijiet ta’ konkrit fejn neċessarju. 

    Uħud mill-blokok raw ukoll titjib fl-aċċessibiltà permezz ta’ installazzjoni ta’ lifts ġodda.