Tliet partitarji jmutu qabel logħba football fil-Honduras

    Tliet partitarji, wieħed minnhom tifel, sfaw maqtula u sebgħa oħra ‘ġew milquta b’tiri tan-nar’ u ngħataw daqqiet b’oġġett bil-ponta, hekk kif vjolenza orribbli seħħet qabel logħba football fil-Honduras nhar is-Sibt fil-għaxija.

    Ir-rivali ħorox, Motagua u Olimpia, raw lill-partitarji jikklaxxjaw barra l-kapitali tal-Honduras, Tegucigalpa, bix-xarabank tal-players ta’ Motagua tiġi ssuttata bil-ġebel fejn it-twieqi  ġew imkissra u l-ħġieġ miksur weġġa’ tliet players, inkluż l-ex difensur ta’ Celtic, Emi­lio Ezaguirre, li flimkien ma’ sħabu Roberto Moreira u Jonathan Rougier kollha ttieħdu l-isptar għall-kura.

    Il-left-back, li għadu kemm ingħaqad ma’ Motagua b’self għal sena wara li ħalla lil Celtic il-ġimgħa l-oħra, ġie milqut f’għajnejh mill-frak tal-ħġieġ imkisser.

    Iżda huwa seta’ jikkonferma li m’għandu l-ebda ħsara permanenti u qal: “Nirringrazzja lil Alla li jien tajjeb. Kien hemm biċċiet tal-ħġieġ li taru f’għajnejja, iżda ġejt mgħarraf li m’għandi xejn serju u lanqas ħsara permanenti.

    “L-iktar ħaġa li weġġgħetni hija dawk li  mietu. Aħna kollha Hondurjani, inżommu ma’ min inżommu, għandu jkun hemm rispett lejn il-bnedmin sħabna.

    “Grazzi lil kulħadd tal-messaġġi sbieħ li rċevejt.”

    Il-club ta’ Motagua tefa’ t-tort fuq il-membri tal-partitarji Ultra-Faithful Olimpia. “Huma attakkaw ix-xarabank tat-team tagħna u għal dan għandhom jiġi kkastigati severament mill-awtoritajiet.”

    Imbagħad il-ġlied inqala’ ukoll fl-Istadium Nazzjonali u kompla anke wara li l-uffiċjali pposponew il-logħba.

    Meta bdiet il-vjolenza kien hemm madwar 10,000 spettatur fil-ground u ħafna minnhom inqabdu f’rassa hekk kif il-pulizija wżat il-gass tad-dmugħ biex tikkontrolla s-sitwazzjoni.

    Stqarrija mill-Ministeru tas-Sigurtá kkonfermat l-attakk fuq ix-xarabank li fuqha ntqal li min wettqu kienu lebsin il-kuluri tat-team rivali, Olimpia.

    Il-Ministeru żied jgħid li qabel il-logħba huma għamlu “ħames ċrieki ta’ sigurtá”.

    Wara l-inċidenti n-National Football League ssospenda l-logħba meta kienet mistennija folla ta’ 20,000 spettatur.

    Il-president tal-club, Olimpia, Rafael Villeda, qal lill-media lokali li se jiltaqa’ mal-mexxejja tan-National League u ta’ Motagua biex jiġi deċiż il-futur tal-logħba.