Ħuta aljena tista' tasal Malta… biża’ li tant kemm tikber u tiekol ħut, teqred ħlejjaq oħra fejn tkun

    Fi żmien tliet snin jew erbgħa l-Lionfish tista' tkun daħlet fl-ibħra Maltin b'periklu għal ħlejjaq oħra li diġa jinsabu madwar pajjiżna.

    Fl-aħħar jiem żdied it-tħassib minn din il-ħuta li oriġinarjament tinstab fl-oċeani Indjan u Paċifiku imma minn 10 snin 'il hawn bdiet tidher fil-Mediterran.

    Dan il-ġurnal staqsa lill-Professur Alan Deidun, espert fl-ambjent marittimu, dwar x'inhu ta' tħassib dwar din il-ħuta.

    Huwa qalilna li ħafna mill-ħut aljen, jiġifieri li jkun jinstabu f'ibħra li mhux soltu kienu jidhru fihom, ma jinkwetahx għax iżommu f'numru baxx imma fir-rigward tal-Lionfish is-sitwazzjoni hija differenti.

    Profs. Deidun iddeskriva din il-ħuta bħala waħda li tbejjet malajr ħafna bajd u dan iwassal biex tinfirex malajr.

    Huwa qal li kull fejn daħlet għamlet ħerba għax tiekol ħafna ħut u peress li għandha x-xewk fuq daharha hija protetta sew minn ħut ieħor li jista' jiekolha.

    Għalkemm ma eskludix li daħlet fil-Mediterran mill-Kanal Suez, huwa qalilna li flimkien ma' ambjentalisti oħra jissuspetta li ntefgħet fil-baħar mill-akwarju.

    Dwar is-sitwazzjoni fil-baħar Mediterran huwa qalilna li din bħalissa tinsab fil-Lvant tal-Mediterran u semma kif f'temp ta' tlieta jew erba' snin mxiet mill-Iżrael għat-Turkija.

    Waqt li llum waslet fl-ibħri Griegi l-espert marittimu jgħid li l-popolazzjoni tal-ħuta splodiet fl-aħħar sitt snin b'Ċiprju beda jiffaċċja din il-problema fl-aħħar erba' snin.

    Tant kemm f'din il-gżira saret problema li l-pajjiż iħeġġeġ lis-sajjieda jaqbduha u regolarment isiru kompetizzjonijiet biex tinqabad permezz tal-'harpoon'.

    Dwar Malta qalilna li huwa sema li kien hemm Malti li qabad waħda imma meta ikkuntattjah dan qallu li ramiha l-baħar u għalkemm wegħdu li jibgħatlu ritratt m'għamilx hekk u għalhekk ma setax jikkonferma li din kienet l-ewwel qabda f'pajjiżna.

    Fuq nota differenti huwa qalilna li l-laħam tagħha huwa tajjeb tant li anke ġew stampati kotba b'riċetti għaliha biss għalkemm il-persuna trid toqgħod attent li tneħħilha x-xewk.

    Il-Professur Deidun qed iħeġġeġ ukoll lill-pubbliku biex jekk jara din il-ħuta jirrapporta fis-sit aliensmalta.eu li huwa dedikat għal ħlejjaq fil-baħar li jintlemħu f'ambjent li mhux soltu jkunu fih.