Placido Domingo b’akkużi ta’ fastidju sesswali

    Kollegi femminili ta’ Placido Domingo, li għandu 78 sena, qed jallegaw li t-tenur Spanjol tahom fastidju sesswali. Minn naħa tiegħu hu ċaħad għal kollox l-allegazzjonijiet. Waħda min-nisa qalet li t-tenur kien daħħal idejh taħt id-dublett tagħha, filwaqt li tlieta oħra akkużawh li bieshom fuq xofftejhom.

    Diversi kantanti flimkien ma’ persuni oħra mix-xena tal-ispettaklu qed jallegaw li Domingo pprova jisfurzahom li jidħlu f’relazzjoni sesswali miegħu. L-allegazzjonijiet tagħhom marru oltre u saħansitra allegaw li f’xi okkażjonijiet hu saħansitra ikkastigahom meta ma aċċettawx li jagħmlu dan.

    Kien hemm persuni femminili oħra li kellhom xi forma ta’ kuntatt miegħu, u dawn stqarrew li l-aġir ta’ Domingo kien ipoġġihom f’sitwazzjoni skomda, kif ukoll li kemm-il darba rawh jittanta nisa ferm iżgħar minnu bla mistħija ta’ xejn.