Hermann Schiavone jerġa' lura... jirreżenja Norman Vella

    Id-deputat Hermann Schiavone mistenni jerġa’ lura fi ħdan il-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista wara li f’April li għadda kien issospenda lilu nnifsu mill-grupp. Dan wara kontroversja li kienet qamet meta sar magħruf li kellu laqgħa ma’ Yurgen Fenech. Dan tal-aħħar kien fil-mira ta’ kritika dwar il-kumpanija 17 Black.

    Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjanalista wara laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv intqal li l-kumitat aċċetta r-rakkomondazzjonijiet tal-Bord tal-Etika li kkonkluda li Schiavone ma kiser l-ebda struzzjoni jew regola tal-Partit u għalhekk ma ħassx li kellu jirrakkomanda proċeduri oħrajn kontrih. Il-bord qal ukoll li lanqas ma jirriżulta li kien hemm intenzjonijiet ħżiena u dan kien każ ta’ nuqqas ta’ sens ta’ ġudizzju.

    Din id-deċiżjoni wasslet biex l-ex kandidat Nazzjonalista Norman Vella rreżenja minn kandidat, kunsillier u minn membru tal-Partit. Fuq il-profil tiegħu  Vella qal li din id-deċiżjoni tmur kontra dak li ħadem u li n-Nazzjonalisti vvutaw għalih sentejn ilu.