Illum tintlagħab il-UEFA Super Cup bejn Liverpool u Chelsea

    L-edizzjoni tal-UEFA Super Cup ta’ din is-sena se tara żewġ timijiet Ingliżi għall-ewwel darba hekk kif f’Besiktas Park, f’Istanbul, it-Turkija, iċ-champions Ewropej, Liverpool, jiltaqgħu kontra r-rebbieħa  tal-UEFA Eu­ro­pa League, Chelsea ... biex kissru l-monopolju li mill-2013 dej­jem kien hemm team Spanjol f’din il-finali.

    Ta’ min jgħid li ż-żewġ finali ta’ dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet ukoll kienu bejn timijiet Ingliżi fejn Liverpool kienu għelbu lil Tottenham Hotspur 2-0 filwaqt li Chelsea rebħu lil Arsenal bl-iskor ta’ 4-1.

    Dan il-konfront se jkun il-183 wieħed bejn iż-żewġ timijiet u l-11-il wieħed fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

    Liverpool għandhom l-aħ­jar rekord hekk kif rebħu 78 logħba kontra t-63 ta’ Chelsea.  Iżda l-Pensioners igawdu l-aħjar rekord fil-kompetizzjonijiet Ewropej me­­ta rebħu tlieta, tilfu tnejn, bil-ħames partiti l-oħra ji­spiċ­ċaw fi draw.

    Liverpool jimmiraw għar-raba’ suċċess meta kienu reb­ħu dan l-unur kontra Hamburg (1977), Bayern Munich (2001) u CSKA Moscow (2005) filwaqt li l-unika darba li Chelsea rebħu din t-tazza kien fl-1998 kontra Real Mad­rid.

    Fi tmiem il-ġimgħa li għad­da ngħata bidu għall-Premier League Ingliż fejn iż-żewġ timijiet kellhom riżultati mħallta. Filwaqt li Liverpool għelbu lil Norwich City bl-iskor ta’ 4-1, Chelsea marru għand Manchester United u sfaw megħluba bl-iskor ta’ 4-0.

    Fil-veritá, Chelsea kellhom bidu pożittiv iżda ġew ikkastigati għall-iżbalji fid-di­fiża kontra team li kien veloċi fil-kontrattakki.

    Barra minn hekk Liverpool huma rinomati li jilagħbu l-aqwa tattika tal-kontrattakk minħabba l-intensitá u l-ve­lo­ċitá li jaqbdu lid-difiżi avversarji miftuħin beraħ.

    Mal-ħatra ta’ Frank Lampard bħala s-suċċessur tal-manager, Maurizio Sarri, fil-kamp ta’ Chelsea kien hemm aspettattivi għoljin iżda t-telfa kontra Manchester United qed tqajjem bosta mistoqsijiet dwar l-abbiltá ta’ Lampard fit-tmexxija tat-team.

    Madankollu, proprju fit-tieni logħba kompetittiva tie­għu jista’ jirbaħ l-ewwel unur.

    Iżda fil-veritá, il-Blues ħas­sew in-nuqqas ta’ Eden Ha­zard li ngħaqad ma’ Real Mad­rid hekk kif is-settur ta’ nofs il-ground mhux qed jiffunzjona fil-massimu tiegħu.

    Għaldaqstant, ir-re­ponsab­biltá qed tingħata lill-inter­naz­zjonali Amerikan, Christian Pulisic, li għadu kif iffirma ftit tal-ġimgħat ilu.

    Barra minn hekk, Lampard mistenni jutilizza wkoll lil Willian jekk jiġi dikjarat f’sik­tu.

    Il-Pensioners se jkollhom jgħaddu wkoll mingħajr is-servizzi tal-imweġġgħin Reben Loftus-Cheek, Callum Hudson-Odoi u Antonio Rudiger.

    Min-naħa ta’ Liverpool, il-manager Jurgen Klopp, mistenni jutilizza l-aqwa for­mazzjoni possibbli bl-eċċez­zjoni tal-goalkeeper, Alisson Becker, li sofra injury fil-pexxul fir-rebħa fuq Norwich u mistenni jdum barra tmien ġimgħat.

    Fil-post tiegħu se jilgħab Adrian li r-Reds iffirmaw bi free transfer wara li lagħab għal ħames snin ma’ West Ham.