Manchester City immultati wara li kisru regolament tat-trasferimenti tal-players żgħażagħ

    Minkejja li Manchester City instabu ħatja ta’ irregolaritajiet fit-trasferimenti tal-players żgħażagħ, jiġifieri, dawk ta’ taħt it-18-il sena, huma ma ngħatawx sospensjoni mill-FIFA iżda ġew immultati s-somma ta’ £315,000.

    Iċ-champions Ingliżi nstabu ħatja li kisru artiklu 19 tar-regolamenti tal-FIFA li jirrigwardja t-traferimenti tal-players żgħażagħ.

    Madankollu, il-kumitat tad-dixxplina tal-FIFA ħa inkonsiderazzjoni li l-club ta’ Manchester City ammetta u aċċetta r-responsabbiltajiet tiegħu u għaldaqstant ġie mmultat minflok sospiż milli jieħu sehem fil-kompetizzonijiet Ewropej kif ukoll milli jkun attiv fis-suq tat-trasferimenti.

    Fi stqarrija l-FIFA sostniet li hija importanti għaliha li tipproteġi lill-players żgħażagħ milli jiġu sfruttati fis-suq tat-trasferimenti u għaldaqstant saħqet li huwa d-dmir tagħha li tinforza dixxiplina fuq il-clubs konċernati.

    Peró, l-istess FIFA diġá tinsab taħt kritika ħarxa li kienet wisq lenjanti mal-club ta’ Manchester City.

    Dan minħabba li filwaqt li Chelsea kisru l-istess regolamenti, huma ngħataw sospen­sjoni ta’ żewġt iswieq tat-trasferimenti li jinkludu dan is-sajf u Jannar li ġej.

    U minkejja li l-Pensionsers appellaw, id-deċiżjoni tal-FIFA xorta baqgħet fis-seħħ.