“L-istati Uniti qiegħda toħloq l-instabbiltĂ ”

    Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran, Mohammad Javad Zarif wissa kontra tellieqa tal-armi fil-Lvant Nofsani fejn qal li l-bejgħ ta’ armi mill-Istati Uniti fir-reġjun tal-Gulf qiegħed iwassal biex din iż-żona ssir qisha murtal se jisplodi.

    F’intervista esklussiva li Zarif kellu ma’ Al Jazeera hu qal li aktar bastimenti tal-gwerra fil-Gulf jistgħu jwasslu biss għal iktar instabbiltà.  

    F’din l-intervista hu qal li matul is-sena li għaddiet biss l-Istati Uniti biegħet b’$50 biljun f’armi. Hu saħaq li wħud mill-pajjiżi f’dan ir-reġjun, li għandhom terz tal-popolazzjoni tal-Iran, nefqu $87 biljun fil-militar filwaqt li l-Iran, li għandu popolazzjoni ta’ kważi miljun, nefaq $16-il biljun. Hu żied jgħid li l-UAE, li għandha popolazzjoni ta’ miljun, nefqet $22 biljun filwaqt li l-Arabja Sawdija nefqet $87 biljun. Għalhekk, skont Zarif, it-theddida fir-reġjun hija ġejja mill-Istati Uniti u l-alleati tagħha li qegħdin ikomplu jbigħu l-armi fir-reġjun. 

    Il-kummenti ta’ Zarid saru hekk kif l-Istati Uniti ħabbret li qiegħda tħadem biex tifforma koalizzjoni militari biex tipproteġi l-bastimenti kummerċjali fil-Gulf. Dan wara attakki li seħħew fuq tankers taż-żejt qrib l-Istrett ta’ Hormuz.