''Emmnu fikom infuskom!''... fitness athlete u mudella stabbilita f'pajjiżna

    Pauline Marie Chetcuti - 'fitness athlete' u mudella stabbilita f'pajjiżna li tesprimi ruħha kemm permezz tal-attività fiżika kif ukoll permezz tal-immudellar.

    Min hi Pauline Marie Chetcuti?

    Pauline Marie Chetcuti hija tfajla ta' 31 sena minn Ħaż-Żebbug b’karriera bankarja għal dawn l-aħħar 12-il sena. Twila 187 ċentimetru u għandi għal qalbi ħafna l-karriera tal-immudellar kif ukoll il-ħajja sportiva.

    It-taħriġ sar parti minn ħajti għax għamilni persuna aħjar. Inqisni bħala persuna li naf nimmotiva lil ħaddieħor li forsi qed jaqta' qalbu jibda.

    Jien persuna pożittiva fejn dejjem tgħallimt inħares lejn it-tajjeb li l-ħajja tista' toffri.

    Inħobb insiefer, nara postijiet ġodda u nara kulturi differenti minn tagħna.

    Kif tkun ġurnata tipika tiegħek?

    Il-gurnata tiegħi tkun impenjattiva ħafna. Inqum kmieni, ġeneralment mal-5.00 a.m. biex nibda l-ewwel parti tat-taħriġ tiegħi.

    Wara nibda l-ġurnata tiegħi tax-xogħol, u wara nibqa' sejra għat-taħriġ. Il-ġurnata tiegħi ma tkunx waqfet hemm għax nkun irrid nibda nipprepara l-ikel tal-ġurnata li jmiss.

    Huwa importanti li timxi ma' dieta bilanċjata speċjalment jekk tkun trid tilħaq mira u ċertu livell fit-taħriġ. Inħobb ukoll inżomm ruħi aġġornata ta' x’ikun qed jiġri fix-xena tal-moda permezz ta' siti soċjali.

    Il-ħruġ ikun limitat ħafna speċjalment matul il-ġimgħa minħabba dieta u dixxiplina li jkun hemm bżonn issegwi. Importanti ħafna li ta’ madwarek jkunu jissapportjawk u jifhmuk.

    Kif tqatta' l-ħin liberu tiegħek?

    Ma tantx ikolli ħin liberu però meta jkolli ċans jew insib ġurnata fejn ma jkollix xogħol u taħriġ inħobb infittex positjiet ta’ rilassament speċjalment fis-sajf infittex ħafna il-baħar.

    Il-ħajja saret mgħaġġla għalhekk dejjem nipprova insib bilanċ u naqsam il-ħin tiegħi mal-ħajja soċjali u ħin personali. 

    Skont l-opinjoni tiegħek, x'inhi l-isbaħ parti tal-immudellar?

    Il-karriera tiegħi fix-xena tal-immudellar bdiet sew mill-bidu ta' din is-sena.

    Minn dejjem kont inħobb nimmudella infatti kont ħadt sehem fl-ewwel konkors tiegħi meta kelli biss 16-il sena fil-konkors ta’ Miss Malta.

    Hemm ħafna mumenti sbieħ fl-immudellar bħal meta tagħmel photoshoot u toħroġ għal qalbek però għalija l-isbah mument hija meta timxi fuq il-catwalk.

    Din is-sena bi pjaċir kbir l-MGT Productions tawni l-opportunita li ningħaqad magħhom għalhekk minnhemm bdejt nitgħallem bosta affarijiet li servewni biex nibqa' nitgħallem.

    Nista' ngħid li l-isbaħ esperjenza s’issa kienet meta flimkien ma' tliet mudelli Maltin tlajna nimmudellaw għall-Berlin Fashion Week li saret fl-1 ta’ Lulju. Hija esperjenza li mhu se ninsa qatt għax inħossni kbirt u tgħallimt ħafna minnha.

    Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lit-tim kollu ta' Akila ta' din l-opportunità indimdentikabbli.

     Kif tarak minn hawn u ħames snin oħra?

    Minn hawn u ħames snin oħra narani nkompli fil-karriera tal-immudellar. Nixtieq li jkolli iktar esperjezi intrenazzjonali fejn ikolli l-opportunità li nirrapreżenta lil Malta barra minn xtutna.

    Nixtieq narani nibqa' navvanza fit-taħriġ ukoll biex dejjem intejjeb il-livell tiegħi. 

    Min hu l-ispirazzjoni/role model tiegħek?

    Ma nistax insemmi persuna waħda bħala role model għax għalija huma l-ġenituri tiegħi. Lil ommi nammiraha għax hija mara ta' karattru b’saħħtu ħafna u li timlik b’kuraġġ biex qatt ma taqta' qalbek fil-ħajja. Hija omm li taf tħobb ħafna u bis-saħħa tagħha ninsab fejn jien illum il-ġurnata.

    Min-naħa l-oħra, hemm missieri li huwa bniedem ta' ambizzjoni kbira speċjalment lejn il-programm tiegħu 'Marċi u Bandalori' li ilu jixxandar fuq ir-Radju għal snin twal.

    Inħoss li tgħallimt ħafna mingħand il-ġenituri tiegħi speċjalment fejn jidħlu valuri.

    Kemm hu importanti l-qasam tal-kowċing fil-karriera tiegħek ta' 'fitness athlete'?

    Ilni nitħarreġ għal dawn l-aħħar ħames snin però tellajt il-livell meta kkompetejt l-ewwel darba fil-kategorija tal-Fitmodel fejn kont ikklassifikajt fit-tielet post.

    Il-kowċing huwa importanti ħafna għax b’hekk ikollok direzzjoni ta’ x’inhu l-aħjar taħriġ u ikel għalik. Meta tipprepara għall-kompetizzjoni, il-kowċing ikun intensiv ħafna u jrid ikollok dixxiplina sabiex timxi sew mal-programm li l-kowċ jagħtik.

    Però, ir-riżultat li jkollok fl-aħħar jekk timxi sew mal-programm ikun ta' sodisfazzjon kbir. 

    Irrakkonta l-esperjenza tiegħek meta fil-passat riċenti kkompetejt f'kompetizzjoni tal-fitness modelling organizzata minn IFBB Malta.

    Meta ħadt sehem fil-kompetizzjoni tal-Fitness Model għalkemm kelli idea ta' x’tinvolvi kompetizzjoni ma tkunx għadek taf x’sagrfiċċju trid tagħmel qabel ma tesperjenzaha personalment. Inħossni sodisfatta ħafna li rnexxieli nagħmilha u għalija kull min jitla' fuq il-palk tal-IFBB ikun diġà kiseb ħafna. Barra li ġejt fit-tielet post, din il-kompetizzjoni għenitni ħafna fil-ħajja tiegħi personali speċjalment fejn jidħlu bilanċ u dixxiplina. Nixtieq nawgura lil dawk kollha li se jikkompetu fil-31 ta' Awissu fil-'Battle of the Beach'.

    Wieħed jitwieled jew isir mudell jew mudella?

    Id-dixxiplina tal-isport għenitni nikseb kunfidenza u nemmen fija nnifsi.

    Għalkemm li timmudella tkun ġo fik jien nemmen li wieħedma jitwelidx mudell għax trid taħdem b’determinazzjoni kbira biex tasal fejn tixtieq u tkun miftuħ għall-kritika li tista' tkun kemm pożittiva kif ukoll negattiva.

    Importanti li tkun taf tagħraf dak li jagħmel l-aktar ġid għalik.

    Għaddi messaġġ lil min bħalek jixtieq jagħmel karriera ta' suċċess fl-immudellar.

    Il-messaġġ tiegħi għal min jaspira li jkun involut fid-dinja tal-immudellar hu li jekk temmnu fikom infuskom u tkunu determinati li taħdmu għal dak li tixtiequ, jirnexxielkom taslu fejn tixtiequ intom. Emmnu fikom infuskom!