Jinxterdu qlajjiet dwar il-mewt ta’ Jeffrey Epstein

    Ftit sigħat biss wara l-mewt ta’ Jeffrey Epstein, li kien instab mejjet fiċ-ċella tiegħu fil-ħabs nhar is-Sibt li għadda, bdew iqumu għadd ta’ teoriji għaliex dan il-bniedem iddeċieda li jneħħi ħajtu b’idejh. 

    Epstein, li kien mistenni li jgħaddi ġuri fuq akkużi ta’ traffikar tas-sess u konspirazzjoni, neħħa ħajtu b’idejh f’ċella ta’ ħabs fi New York. Huwa kien qiegħed jiġi akkużat li mexxa netwerk vast ta’ traffikar ta’ nisa taħt l-età. Hu kien wieġeb mhux ħati x-xahar li għadda.  

    L-akkużat, li kellu 66 sena, kien magħruf li għandu ħbieb importanti bħalma huma l-President Donald Trump, l-eks-President Am­e­rikan Bill Clinton u anke l-Prinċep Andrew tar-Renju Unit. Minħabba r-rabtiet li kellu ma’ nies importanti, għadd ta’ nies fuq l-internet bdew joħorġu b’għadd ta’ teoriji. Uħud bdew isaqsu mistoqsijiet dwar jekk kienx hemm xi politikani li kienu jafu xi affarijiet dwar dak li kien allegatament qiegħed iwettaq Epstein u riedu jeħilsu minnu. Tajjeb li ngħidu li ma kien hemm assolutament l-ebda evidenza li turi jew tindika xi waħda minn dawn l-allegazzjonijiet, iżda minkejja dan il-hastag #EpsteinMurder infirxet sew madwar id-dinja nhar is-Sibt li għadda. 

    Ta’ min jgħid li dawn l-ispekulazzjonijiet u teoriji ma sostnewhomx biss individwi komuni fuq l-internet, iżda kien hemm għadd ta’ politikani u anke ġurnalisti ta’ stoffa li bdew iqajmu tali mistoqsijiet. Wieħed minn dawn kien is-Sindku ta’ New York Bill de Blasio fejn dan qal li “hija konvenjenti ħafna” li issa Epstein mhux se jkun jista’ jinkrimina persuni oħrajn. de Blasio qal “dak li ħafna minna rridu nkunu nafu hu, x’kien jaf?... kemm hemm miljunarji u biljunarji li kienu parti mill-attivitajiet illegali li dan kien involut fihom?” 

    Il-mistoqsijiet komplew jitqanqlu minħabba li Epstein, ftit ġimgħat qabel neħħa ħajtu b’idejh, kien insab mitluf minn sensih u bi ġrieħi f’għonqu. Għalhekk kienu bosta dawk li staqsew kif dan il-persuna xorta rnexxielu jwettaq suwiċidju meta dan suppost kien qiegħed jiġi mgħasses mill-qrib biex ma jipprovax iwettaq dan. Dwar dan staqsa anke l-avukat personali tal-Presi­dent Donald Trump.

    Iżda wara dan kollu, l-uffiċjali tal-ħabs qalu li fil-verità Epstein ma kienx għadu qed jiġi mgħasses għal kontra s-suwiċidju. Meta ntqal hekk, bdew iqumu għadd ta’ teoriji  għaliex dan ma baqax jiġi għasses. 

    L-ispekulazzjoni u t-teoriji bdew jinbidlu u jitgerfxu hekk kif bdew joħorġu ftit dettalji ’l hawn u ’l hemm.  

    Probabbilment l-iktar że­wġ teoriji esaġerati kienu dawk li kellhom il-hashtages #ClintonBodyCount u #TrumpBodyCount. L-ewwel waħda primarjament kie­net qiegħda tintuża mill-kons­ervattivi biex tissuġ­ġerixxi li l-koppja Clinton kellhom rabtiet mal-mewt ta’ Epstien, filwaqt li l-oħra kienet qiegħda tgħid l-istess ħaġa iżda fil-konfront ta’ Trump. 

    L-ebda teorija minn dawn ma kienet mibnija fuq evidenza.