[AĠĠORNAT] Żona f'Ħal Far imnaddfa wara rimi ta' skart b'mod irresponsabbli

    Fuq il-profil tiegħu ta' Facebook, il-Ministru għall-Ġustizzja Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema ta' Cleansing and Maintenance Division li naddfu parti mit-triq ta' Ħal Far wara li diversi affarijiet intremew fiż-żona b'mod irrisponsabbli.

    Bonnici ma naqasx milli juri solidarjetà mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li kien għadu kemm naddaf din il-parti ftit qabel. Huwa kellu kliem ta' tifħir għas-Sindku Rita Grima għax-xogħol siewi tagħha biex tieħu ħsieb l-indafa.

    Filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd biex jirraporta meta jara rimi ta' skart illegali, huwa żied jgħid li din is-sena d-Diviżjoni diġà naddfet aktar minn 8,500 tunnellata ta' skart illegali.

    Qabel: Minkejja l-appell imqanqal tas-Sindku taż-Żurrieq, l-ammont ta' skart biswit il-Laboratorju tal-Paċi ġewwa Ħal Far għadu ma nġabarx mill-Awtoritajiet rispettivi.

    Kien nhar is-Sibt li għadda li Rita Grima, li kienet eletta bħala Sindku tal-lokalita taż-Żurrieq għall-ewwel darba fl-elezzjoni ta' Mejju li għadda, ikkritikat l-ammont ta' skart li kien mitfugħ biswit it-triq imsemmija, u ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala "tal-mistħija u tal-biki! Wara li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq naddaf Triq Ħal Far, fejn nefaq ħafna flus, ħela ħafna enerġija u riżorsi, f'din it-triq, erġajna sibna sitwazzjoni bħal din."

    Meta l-Orizzont żar il-post, ra kif l-iskart ma kienx għadu ntmiss mir-ritratt ppubblikat minn Grima tlett ijiem ilu, u jidher li dawn il-ħwejjeġ ilhom hemm għal xejn inqas minn ħamest ijiem.