[FILMAT] Tifla Brittanika tiġbed filmat ta' missierha jsawwat lil ommha biex tgħaddih lill-pulizija

    F’intervista xokkanti mal-midja lokali, tifla Brittanika qalet li kienet ġibdet filmat ta’ missierha waqt li kien qed isawwat lil ommha biex tkun tista’ tgħaddih lill-pulizija. Madankollu wara li eventwalment missierha spiċċa ngħata sentenza ta’ priġunerija hija qalet li tmur iżżuru l-ħabs mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa.

    Fl-intervista Maysa Rosato-Clifton, ta’ 15-il sena, qalet li minn dejjem kienet tiftakar lil missierha jsawwat lil ommha.

    Madankollu darba minnhom hija ġibdet filmat ta’ missierha jkisser il-bieb ta’ barra u jgħajjat ma’ ommha. Qabel ma rnexxielu jidħol, il-mara tidher iċċempel lill-Pulizija għall-għajnuna.

    Il-filmat eventwalment wassal biex ir-raġel ikollu jiskonta tmien snin priġunerija.

    Fl-intervista mal-ġurnal The Mirror, it-tifla qalet li hija m’għandha l-ebda ndiema talli kienet ġibdet il-filmat minħabba li ħasset li l-attitudni ta’ missierha fil-konfront ta’ ommha kellu jieqaf.