Il-President Iranjan jisħaq li l-Istati Uniti għandha tirrevedi l-politika tagħha għal-Lvant Nofsani

    L-Istati Uniti għandha tirrevedi l-politika tagħha fil-konfront tal-Lvant Nofsani u tieħu l-passi neċessarji biex tnaqqas it-tensjoni fir-reġjun. Hekk qal il-President Iranjan Hassan Rouhani waqt konverżazzjoni telefonika li kellu mal-Emir tal-Qatar Sheikh Tamim bin Hamad Al Thani.

    “Tehran huwa tal-fehma li it-tnaqqis tat-tensjoni fir-reġjun ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd u aħna nittamaw li l-Amerikani jirrealizzaw li t-triq li qabdu mhijiex korretta u li mhi se twassal għall-ebda rebbieħ. Huma jeħtieġ li jbiddlu l-attitudni tagħhom,” saħaq Rouhani.

    Il-mexxej Iranjan saħaq li hemm pajjiżi barra mir-reġjun li jridu li r-reġjun jiġi destabilizzat. Tenna li Tehran huwa lest li jinnegozja mal-pajjiżi kollha ta’ rieda tajba biex jassigura l-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun.

    It-tensjonijiet bejn l-Iran u l-Istati Uniti eskalat meta f’Mejju tas-sena li għaddiet il-President Amerikan Donald Trump ħareġ lill-Istati Uniti mill-ftehim nukleari li kien daħal fis-seħħ fl-2015.