Cristiano Ronaldo mhux se jiffaċċja akkużi ta’ stupru

    L-attakkant internazzjonali Portugiż ta’ Juventus, Cristiano Ronaldo, mhux se jiffaċċja akkużi ta’ stupru.

    Dan wara li Kathryn Mayorga, 34 sena, kienet allegat li Ronaldo kien stupraha f’lukanda, f’Las Vegas, fl-2009.

    Sena wara Mayorga kienet laħqet ftehim barra mill-qorti biex tingħata kumpens iżda s-sena li għaddiet hija ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-każ. Min-naħa tiegħu, il-player Portugiż ċaħad kull allegazzjoni.

    It-Tnejn li għadda, il-prosekuturi saħqu li m’hemm l-ebda provi fl-allegazzjonijiet ta’ Mayorga u għaldaqstant m’hemm l-ebda bażi biex Ronaldo jitressaq quddiem il-qorti.

    Fl-2009, filwaqt li l-“vittma” kienet ressqet rapport ta’ stupru, hija rrifjutat tgħid fejn seħħ il-każ jew inkella min kien l-aggressur. Imbagħad, f’Awwissu 2018, il-pulizija investigat dan l-att kriminali iżda fil-veritá ma sabet l-ebda evidenza.