Id-droga swietu relazzjoni li minnha kellu żewġt itfal

    Raġel li beda juża d-droga fiż-żgħożija tiegħu, u li maż-żmien din il-problema bdiet tiggrava tant li swietu relazzjoni li minnha kellu żewġt itfal, intbagħat sena ħabs wara li ammetta akkużi ta’ serq. 

    Mark Scerri ta’ 42 sena minn Wied il-Għajn wieġeb ħati li f’Ottubru 2018 seraq flus kontanti minn residenza f’Ħaż-Żabbar u minn ħanut fil-Fgura u li sar reċediv. 

    Scerri kien diġa’ misjub ta’ diversi reati oħra fosthom ksur tar-regolamenti tat-traffiku, ħsara involontarja u talli kkaġuna ġrieħi gravi involontarjament, pussess tad-droga eroina fi tliet okkażjonijiet, serq aggravat, falsifikazzjoni u frodi b’għemil qarrieqi.

    Fis-sentenza tagħha, l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qieset ukoll il-Pre-Sentencing Report, mil-liema jirriżulta li minkejja li kellu trobbija tajba u għandu appoġġ mill-familjari tiegħu, huwa kien ilu żmien twil bil-vizzju tad-droga eroina.

    Innotat kif għalkemm Schembri ilu jattendi ġewwa d-Detox mill-1997, u fil-passat daħal ukoll f’xi programmi, qatt ma temmhom b’suċċess. Dan filwaqt li kien ukoll fittex l-għajnuna ma’ diversi aġenziji iżda minkejja li għamel xi żmien nadif mid-droga, ma kienx qed jagħmel xejn tanġibbli biex verament jiġġieled u jegħleb il-vizzju tad-droga. 

    “Mill-fedina penali tiegħu, jirriżulta ċar li huwa ngħata diversi opportunitajiet mill-Qrati biex jikseb l-għajnuna, iżda minkejja dan, baqa’ għaddej fl-istess ħajja, fil-vizzju tad-droga, bir-riżultat li kkommetta reati simili bħal dan il-każ,” qalet il-Qorti li żiedet tgħid li l-piena idonea mhix ħlief dik ta’ priġunerija effettiva.

    Minbarra li kkundannatu 12-il xahar priġunerija effettivi, il-Qorti ġibdet l-attenzjoni tad-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin dwar l-importanza li huwa jingħata l-għajnuna kontra l-vizzju tad-droga u kemm-il darba jkun possibbli, anke l-opportunità li jsegwi programm kontra l-istess vizzju. 

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Shawn Pawney u Hubert Cini.