Il-velu fuq il-wiċċ ipprojbit f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej... Studju juri li r-restrizzjonijiet reliġjużi żdiedu madwar id-dinja kollha

    Restrizzjonijiet imposti mill-mexxejja u mill-gvernijiet fuq ir-reliġjon qegħdin jiżdiedu f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja u dan mhuwiex biss f’dawk il-pajjiżi b’politika totalitarja, iżda anke f’dawk demokratiċi fosthom l-Ewropej. Dan irriżulta minn rapport maħruġ f’dawn il-jiem wara studju li sar f’198 pajjiżi differenti.

    Iċ-ċentru tar-riċerka Pew, li jagħmel għadd ta’ studji dwar l-iżviluppi li seħħu fl-2017, għamel riċerka wkoll dwar vjolenza u fastidji li kien hemm minħabba raġunijiet reliġjużi. Rigward l-akbar żewġ reliġjonijiet fid-dinja nstab li l-Kristjani sfaw vittmi ta’ fastidju f’143 pajjiż, mentri l-Musulmani sofrew restrizzjonijiet f’140 pajjiż.

    Fl-10 rapport annwali ta’ Pew dwar ir-restizzjonijiet mondjali fejn għandha x’taqsam ir-reliġjon irriżulta li 52 gvernijiet, inklużi r-Russja u ċ-Ċina, imponew restrizzjonijiet fuq twemmin reliġjuż u l-prattika tiegħu. Din l-aħħar statistika rat żieda meta mqabbla mal-40 gvern li “indaħlu” dwar l-għażla u l-prattika tar-reliġjonijiet irreġistrata fl-2007. Jingħad li l-atteġġjament ostili soċjali esperjenzat minħabba r-reliġjon li wieħed iħaddan, qiegħed jiżdied madwar id-dinja kollha.

    Pew irrapporta li l-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, li kienu l-ħames reġjuni ewlenin studjati minnhom, kellhom l-għola livell ta’ restrizzjonijiet fuq ir-reliġjon imposti mill-gvernijiet lokali u warajhom irriżulta r-reġjun tal-Asja-Paċifiku. Minkejja dan, l-akbar żieda li seħħet bejn l-2007 u l-2017 kienet proprju fl-Ewropa fejn in-numru ta’ pajjiżi li bdew jimponu restrizzjonijiet fuq ilbies reliġjuż, inklużi l-burqas u l-velu fuq il-wiċċ milbus minn nisa Musulmani, tela’ minn ħames pajjiżi għal 20.

    Tradizzjonijiet u prattiċi mhux aċċettati…

    Fost miżuri oħra li seħħu fl-2017 l-Awstrija pprojbiet il-velu li jgħatti l-wiċċ kollu f’postijiet pubbliċi u l-Germanja mhix taċċetta li persuna tgħatti wiċċha waqt li tkun qiegħda ssuq jew fuq xogħol għas-servizz pubbliku. Fl-Isvizzera l-elettorat ta’ żewġ reġjuni approva l-projbizzjoni tal-velu fuq il-wiċċ u l-elettorat nazzjonali appoġġja li ma jinbnewx minaretti ġodda.

    Skont l-istess rapport, fi Spanja għadd ta’ gvernijiet muniċipali introduċew il-projbizzjoni ta’ burqas u veli li jgħattu l-wiċċ kollu, kif ukoll għamlu restrizzjonijiet dwar priedki fil-pubbliku mir-reliġjonijiet tal-Jehovah u l-knisja tal-Jesus Christ of Latter-day Saints.

    Barra minnhekk il-prattika taċ-ċirkonċiżjoni fuq is-subien ukoll saret suġġett ta’ kontroversja fl-Ewropa. Gruppi Musulmani u Lhud fil-Ġermanja u fl-Islovenja lmentaw li uffiċjali governattivi qegħdin jindaħlu fit-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom billi jikkriminalizzaw din il-prattika jekk ma ssirx għal raġunijiet mediċi.

    Globalment, fost l-aktar 25 pajjiżi popolati fid-dinja, l-aktar pajjiżi li mponu restrizzjonijiet kienu ċ-Ċina, l-Iran, ir-Russja, l-Eġittu u l-Indoneżja. L-istudju qal li l-inqas postijiet b’restrizzjonijiet fuq il-prattiċi reliġjużi kienu l-Afrika t’Isfel, il-Ġappun, il-Filippini, il-Brażil u l-Korea t’Isfel.

    Pew irrapportat li l-fenomenu ta’ fastidju min-naħa tal-istati l-aktar li nħass kien fil-Lvant Nofsani fl-Afrika ta’ Fuq iżda kien hemm żewġ każi fl-Ażja li wkoll irreġistraw livelli għoljin. Ir-rapport qal li fiċ-Ċina, mijiet ta’ eluf ta’ Musulmani Uighur intbagħtu f’kampijiet speċjali biex “jerġgħu jiġu edukati”, mentri f’Myanmar kien hemm rata għolja ħafna ta’ abbuż fil-konfront ta’ Rohingya, minorità etnika Musulmana, li wasslet biex numru kbir ta’ persuni telqu mill-post.

    Protesti u swat

    Kategorija oħra fir-rapport ta’ Pew kienet dik dwar fastidji minħabba t-twemmin reliġjuż minn individwi jew gruppi oħra fis-soċjetà. L-Istati Uniti ġiet ikklassifikata bħala fost l-agħar pajjiż u dan minħabba wkoll li kien hemm protesta mtella’ f’Charlottesville f’Virginia fejn dimostranti supremaċisti bdew ixejru bnadar bl-iswastika fuqhom akkumpanjati bi kliem anti semitiku.

    Pew qalet li l-akbar mibgħeda fuq sfont reliġjuż minn individwi seħħet fl-Ewropa fejn kien hemm vittmi ta’ vjolenza u inċidenti fosthom dawk li fihom weġgħu xhieda tal-Jehovah fl-Ukranja, kif ukoll rabbi u mara Muslman sfaw vittmi fil-Belġju.

    L-istess studju rrapporta li fil-Ġermanja kien hemm eluf ta’ refuġjati li kienu mġiegħla jikkonvertu għall-Kristjaneżmu wara li widdbuhom li jekk ma jagħmlux hekk, huma jitkeċċew mill-pajjiż.

    Jocelyne Cesari, professur fuq studji politiċi u reliġjużi fl-Università ta’ Birmingham, temmen li d-diskriminazzjoni lejn il-Muslmani fl-Ewropa mis-soċjetà kif ukoll mill-gvernijiet lokali, hija ta’ theddida għal-libertà tal-għażla reliġjuża. Hija qalet ukoll il-projbizzjoni tal-velu fuq il-wiċċ tista’ żżid il-perċezzjoni tal-Muslmani li l-Ewropa hija l-għadu tar-reliġjon Iżlamika.

    Professur tax-xjenza politika, Jonathan Laurence, qal li d-dibattitu li għaddej bħalissa fil-kontinent Ewropew dwar il-velu fuq il-wiċċ ta’ aktar saħħa politika lill-partiti populisti mentri naqas milli jsolvi l-problema tal-firda soċjali fil-pajjiżi inkwistjoni. Huwa qal li ironikament, il-projbizzjoni imposta fuq il-velu kellha l-għan li tgħin fl-integrazzjoni pubblika iżda din wasslet biex jinfetħu skejjel reliġjużi ġodda li fihom it-tfal jistgħu jilbsu dak li jridu.

    “Kull reliġjon hi vulnerabbli għal persekuzzjoni”

    Id-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni reliġjuża kienu s-suġġett ta’ laqgħat mifruxa fuq tlett ijiem f’Washington li fiha attendew mijiet ta’ uffiċjali governattivi, mexxejja reliġjużi kif ukoll parteċipanti oħra minn madwar id-dinja kollha. 

    Ambaxxatur Amerikan, Sam Brownback, qal qabel il-laqgħat qal li kull tip ta’ reliġjon hija vulnerabbli għal persekuzzjoni u li huwa favur ħafna li jkun hemm il-libertà tal-għażla fejn tidħol ir-reliġjon. “Kważi kull twemmin li huwa fil-maġġoranza f’post, jinsab f’minoranza f’post ieħor u huwa għalhekk li parti kbira mill-ħidma tagħna hija li r-reliġjonijiet jingħaqdu u jaqbżu għal xulxin.” Huwa ċċara li dan mhux il-każ li fih qed ikun issuġġerit li jkun hemm twemmin wieħed, iżda li jkun hemm dritt fundamentali komuni.

    Ir-rapporti annwali ta’ Pew jinġabru minn għadda ta’ riċerkaturi li ta’ kull sena janalizzaw għadd ta’ informazzjoni u jiġbru riżorsi, inklużi rapporti annwali fuq il-libertà tar-reliġjon fid-dinja mid-Dipartiment tal-Istat, tagħrif mill-Kummissjoni Amerikana tal-Libertà tar-Reliġjon Internazzjonali, jaraw studji Ewropej, oħrajn minn organizzazzjonijiet tal-Ġnus Magħquda, kif ukoll minn organizzazzjonijiet oħra mhux governattivi.