Il-flokk numru 21 ta’ Higuain nieqes ... viċin li jitlaq lil Juventus

    Dettall żgħir li laqat l-għajn fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien il-fatt li waqt it-tnedija tal-merchandising il-ġdid tal-flokkijiet ta’ Juventus kien nieqes il-flokk numru 21 ta’ Gonzalo Higuain. Dan il-fattur kompla jsaħħaħ il-fehma li El Pipita jinsab ferm viċin li jħalli lil Juventus wara li sar jaf li mhux fil-pjanijiet tal-coach il-ġdid Maurizio Sarri.

    Higuain ilbieraħ sab ix-xibka fil-logħba miċ-Champions Cup kontra Tottenham Hotspur li Juventus tilfu bl-iskor ta’ 3-2.

    Sadanittant Roma baqgħu jiġru wara Higuain u jinsabu ferm viċin li jakkwistawh. Matul l-istaġun li għadda, l-attakkant Arġentin kien misluf ma’ Milan u Chelsea u kellu staġun mhux daqstant pożittiv.

    Hu lagħab 73 partita ma’ Juventus u skorja 40 goal sa minn meta ngħaqad magħhom fis-sajf tas-sena 2016.