Andrea Camilleri “missier” il-Kummissarju Montalbano

    Nhar l-Erbgħa li għadda, 17 ta’ Lulju, ħalla din id-dinja l-awtur kbir Taljan Andrea Camilleri. Kieku Camilleri miet ta’ 64 sena minflok ta’ 94 sena, l-obitwarju tiegħu żgur ma kienx jidher f’ġurnali internazzjonali kbar u probabbilment lanqas f’dan il-ġurnal Malti. Forsi mewtu kienet titħabbar f’xi paġna ta’ ġewwa ta’ ġurnal Taljan u b’artiklu twil fil-ġurnal tal-Accademia Nazionale d’Arte Drammatica, fejn Camilleri għamel ħafna snin jgħallem id-drama.

    F’artiklu bħal dan, wieħed kien isib il-kisbiet ta’ intellettwali tax-xellug, avant-garde, li ħalla marka mhux żgħira fuq it-teatru u t-televiżjoni fl-Italja, filwaqt li mal-pubbliku ġenerali ftit li xejn kien magħruf. Ħadd ma kien isemmi li xi snin qabel, Camilleri kien ipprova jikteb ir-rumanzi storiċi imma mbagħad waqaf għax ma tantx għamel suċċess.

    Fil-fatt, Camilleri kellu 66 sena meta deher l-ewwel bestseller tiegħu, La Stagione della Caccia (1992, ippubblikat bl-Ingliż fl-2014 bħala Hunting Season), u 68 sena meta ħareġ l-ewwel rumanz tiegħu tad-ditektiv Sqalli, Salvo Montalbano, li kellu jġiblu fama internazzjonali.

    Is-suċċess ispira lil Camilleri għal attività letterarja ma taqta’ xejn f’età meta ħafna mill-kittieba jkunu qabdu t-triq tan-niżla. Bejn l-1994, meta dehret l-ewwel storja ta’ Montalbano, u mewtu, fl-età ta’ kważi 94 sena, Camilleri mhux biss kiteb 30 ktieb dwar dan l-investigatur nervuż tiegħu, imma wkoll 60 ktieb ieħor. Kien hemm drabi meta Camilleri, diġà fit-tmeninijiet tiegħu, ippubblika tmien kotba f’sena.

    Agriġento b’rabtiet ma’ Malta

    L-uniku tifel ta’ Carmelina, imwielda Fragapane, u Giuseppe Camilleri ta’ oriġini Maltija (skont bijografija fil-ġurnal Corriere della Sera), Andrea kiber taħt id-dittatura Faxxista ta’ Benito Mussolini fil-belt żgħira ta’ Porto Empedocle f’Agriġento, max-xatt tal-Punent ta’ Sqallija, fejn twieled fis-6 ta’ Settembru 1925. Irridu ngħidu li Agrigento u Malta għandhom rabtiet storiċi antiki li jmorru lura mijiet ta’ snin.

    Fi żmien il-Kavallieri, Malta kienet timporta eluf ta’ xkejjer ta’ qamħ u xgħir minn Agrigento. Fl-1565, meta Malta kellha l-Assedju l-Kbir tat-Torok, Licata laqgħet komunità kbira ta’ refuġjati Maltin li tħallew jibnu d-djar tagħhom hemm, u l-kwartier tagħhom ħa l-isem ta’ San Paolo, il-qaddis patrun ta’ Malta. Sal-lum għad hemm knisja f’Licata jisimha “Chiesa di San Paolo di maltesi” (il-Knisja ta’ San Pawl tal-Maltin).

    Fl-1645, reġa’ kien hemm mewġa’ oħra ta’ refuġjati Maltin fl-istess post, li ntlaqgħu ukoll b’mod fratern mill-Isqallin. U propju f'Porto Empedocle, fejn twieled Andrea Camilleri, hemm arkata viċin iċ-ċentru tal-belt jisimha "Arco dei maltesi" (Arkata tal-Maltin).

    Iż-żmien tal-Gwerra

    Missieru kien uffiċjal tal-port li kellu sehem attiv biex il-Faxxisti ħadu l-poter. Andrea m’għamilx l-eżamijiet finali tal-Liċeo Klassiku għax it-Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha u l-eżamijiet ġew kanċellati minħabba li l-Alleati kienu mistennija jiżbarkaw fi Sqallija minn mument għall-ieħor.

    Qabel intemmet il-Gwerra, Camilleri kien irnexxielu jidħol l-università. Imma telaq qabel ma ggradwa. Fl-aħħar tas-snin erbgħin, kellu xi ftit suċċess bħala poeta u awtur ta’ novelli. Iżda sal-aħħar ta’ dak id-deċennju, kien sab dik, li għal ħafna minn ħajtu, kien iqis bħala l-vokazzjoni tiegħu – dik ta’ direttur tal-palk.

    Teatru u TV

    Bejn l-1949 u l-1952, studja d-direzzjoni fl-Accademia Nazionale d’Arte Drammatica u għamel karriera. Fost l-oħrajn, Camilleri tella’ l-ewwel produzzjoni fl-Italja ta’ dramm ta’ Samuel Beckett, Finale di Partita (Endgame).

    Fl-1957, is-sena li fiha żżewweġ lil Rosetta Dello Siesto, Camilleri ingħaqad mat-taqsima tat-televiżjoni tar-RAI (ix-xandir nazzjonali Taljan), li kienet għadha kif twaqqfet. Huwa kien il-produttur eżekuttiv ta’ serje ta’ stejjer tad-ditektivs, fosthom Le Avventure di Laura Storm, li riegħdu s-sisien tal-Italja konservattiva tas-snin sittin bl-avventuri ta’ investigatur mara li kienet ukoll esperta fl-arti marzjali.

    Sperimentazzjoni

    Ħajjet Camilleri ma kinitx nieqsa mill-innovazzjoni u lanqas minn attitudni ribelluża: mis-sħubija tiegħu fil-Partit Komunista Taljan (PCI) fl-aħħar tal-Gwerra, l-involviment tiegħu sa mill-1958 fiċ-Centro Sperimentale di Cinematografia, sal-appoġġ tiegħu lil kawżi tax-xellug radikali lejn l-aħħar ta’ ħajtu.

    Camilleri kien ixxukkjat meta, is-sena l-oħra, il-Partit Lega Nord tela’ fil-gvern bil-libsa ġdida ta’ moviment populista tal-lemin. Kien qal li l-mexxej tal-Lega, Matteo Salvini, ifakkru fid-dittatur Mussolini, u juri “l-istess arroganza Faxxista, l-istess esebizzjoni supperva tal-poter”.

    Anke wara li għamel suċċess bħala kittieb tal-proża, Camilleri baqa’ jesperimenta. Ħa sehem b’rakkont ta’ storja fl-album S.C.O.T.C.H. tal-mużiċista Daniele Silvestri (2011), kiteb triloġija ta’ fantasija, u ħareġ ir- rumanz Acqua in Bocca (2010) ma’ kollega tiegħu, awtur ta’ stejjer tad-ditektivs, Carlo Lucarelli, li jgħaqqad flimkien lil Montalbano ma’ Grazia Negro, id-ditektiv ta’ Lucarelli.

    Andrea Camilleri u Malta

    Malta wkoll tissemma xi ftit fix-xogħlijiet ta’ Camilleri, l-iktar fir-rumanz Il Colore del Sole (Lewn ix-Xemx), fejn f’kapitlu minnhom jirrakkonta l-ħarba tal-pittur Caravaggio mill-Italja lejn Malta, fl-1607, biex jaħrab minn kundanna għall-mewt mill-Papa wara ġlieda ma’ rival tiegħu li fiha spiċċa midrub għall-mewt. Għenu biex jaħrab ħabibu Filippo I Colonna, li kien jistma ħafna l-arti tiegħu. F’Malta jsib jilqgħu lil Fabrizio Colonna, iben Filippo, li jkun sar kmandant tal-flotta tal-Kavallieri.

    Andrea Camilleri jsemmi lil Malta anke fit-titlu ta’ rumanzett tiegħu bl-isem Croniche di uno scrittore maltese (Kronaki ta’ kittieb Malti), li fih jerġa’ jaqbad l-istorja tal-abbati u falsarju Malti Don Giuseppe Vella irrakkuntata fir-rumanz ta’ Sqalli ieħor ħabib tiegħu Leonardo Sciascia, Il consiglio d’ Egitto. Fir-rumanz tiegħu, Camilleri jgħid li l-Abbati Vella, wara li kien mar Palermo ġab minn Malti biex jgħinu patri ieħor jismu Giuseppe Cammilleri, magħruf anke bħala Camilleri.

    Għal Andrea Camilleri, din hija okkażjoni tajba li jilgħab bil-kunjom, biex jipproponi mill-ġdid l-istorja ta’ Sciascia u jsir hu nnifsu l-ajjutant “falsario”, billi jivvinta provi tal-oriġini Maltin tiegħu u jidħol fil-laboratorju li fih Vella kien jipproduċi l-opri mhux awtentiċi tiegħu. Hawn, Camilleri fl-aqwa tiegħu, jilgħab bl-istorja, bl-istejjer u bil-kliem grazzi għall-ħila strordinarja tiegħu kif iħaddem il-kelma. Fir-rumanzi ta’ Montalbano, wieħed ukoll isib xi riferenzi għal Malta.

    Il-lingwa ta’ Camilleri

    F’ċertu sens, ix-xogħlijiet ta’ Montalbano ma kinux innovattivi: Camilleri semma lill-eroj tiegħu għall-awtur Spanjol Manuel Vázquez Montalbán, u tah uħud mill-karatteristiċi tal-investigatur Montalbán, Pepe Carvalho. Imma minn aspett ieħor, l-istejjer ta’ Montalbano huma oriġinali għall-aħħar. Min jaqra dawn l-istejjer bl-Ingliż jew iħobb jara s-serje televiżiva li ħarġet minnhom bla ma jaf l-ilsien Taljan, ma jindunax li dawn ir-rumanzi huma miktubin b’lingwa vvintata mill-awtur: taħlita ta’ Taljan standard, djalett Sqalli u kliem ġdid ivvintat minn Camilleri.

    Camilleri jgħid li l-idea ġietu miċ-ċirkustanzi tal-mewt ta’ missieru fis-snin sebgħin u kien hu li ispirah juża din it-teknika ħafna qabel ma deher l-ewwel ktieb ta’ Montalbano, għall-ewwel bla suċċess. “Darba minnhom, biex naljenah daqxejn, għedtlu: ‘Għax Pà, ħsibt fi storja,’ u għedtlu l-istorja tal-ewwel rumanz tiegħi … U missieri qalli: ‘Għax ma tiktibhiex?’” Andrea Camilleri wieġbu li kienet iebsa għalih biex jiktibha Taljan, u missieri wieġbu: “U għaliex għandek tiktibha bit-Taljan? Iktibha kif irrakkuntajtha lili.”

    Is-suċċess ta’ Montalbano

    Għall-ewwel pubblikaturi, il-kawlata lingwistika ta’ Camilleri, li fil-bidu anke t-Taljani mhux Sqallin sabuha iebsa biex jifhmu, seta’ deher bħala forma ta’ suwiċidju letterarju. Wara kollox, din ma kinitx l-ewwel darba li Camilleri ma ġiex aċċettat mill-qarrejja. Iżda Montalbano bil-lingwa partikulari tiegħu kien suċċess enormi għal Camilleri li bigħ iktar minn 10 miljun kopja tal-kotba tiegħu.

    Il-kotba ta’ Montalbano nqalbu f’iktar minn 30 lingwa u ġew addattati għal serje televiżiva ta’ suċċess kbir li nbigħet f’iktar minn 20 pajjiż. Kien is-suċċess ta’ Montalbano fuq l-iskrins televiżivi li trasforma Punta Secca, Scicli u rħula oħra Sqallin marbuta ma’ fejn inħadmu l-films ta’ Montalbano f’destinazzjoni turistika għall-ħafna mill-ammiraturi tiegħu.

    Skola Maltija fi Proġett dwar Montalbano

    Propju din is-sena, l-iskola li fiha ngħallem jien, l-Iskola St Michael ta’ Santa Venera (tal-MUSEUM) ħadet sehem fi proġett ta’ eTwinning bl-isem A scuola con Montalbano (L-iskola ma’ Montalbano) mal-iskola Istituto Comprensivo Elio Vittorini li tinsab propju fejn inħadmu ħafna mill-films ta’ Montalbano.

    Il-Proġett kien ideat mis-Sur Louis Agius, li ilu dawn l-aħħar 25 sena jgħallem l-ilsien Taljan lill-istudenti tagħna. Permezz ta’ A scuola con Montalbano, l-istudenti Maltin u Taljani ħolqu numru ta’ djalogi ambjentati f’sitwazzjonijiet mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan sabiex l-istudenti Maltin jipprattikaw il-lingwa Taljana, filwaqt li għat-Taljani kienet opportunità li jaqsmu mal-Maltin il-kultura tagħhom.

    Il-personaġġi f’kull djalogu ħaduhom mir-rumanzi tas-serje il Commissario Montalbano. Kull djalogu kien marbut ma’ tema partikulari; ngħidu aħna mal-ikel tar-ristorant jew ma’ kif titlob informazzjoni fuq post li tkun trid tmur fih. Il-proġett nħadem fi gruppi u hekk serva wkoll ta’ eżerċizzju ta’ kitba għall-istudenti. Meta l-istudenti Taljani kienu jibagħtu t-tweġibiet tagħhom, is-Sur Louis Agius kien joħloq numru ta’ attivitajiet ta’ taħriġ il-fehem jew eżerċizzji ta’ picture interpretation.

    L-għalliem tat-Taljan, waqt il-lezzjonijiet, kien juri xi siltiet qosra lill-istudenti tagħna mill-films tas-serje Il Commissario Montalbano, li kienu jaqblu mat-tema tad-djalogu. B’hekk, l-istudenti setgħu iqabblu l-ambjent Sqalli ma’ dak Malti.  Raw kemm hemm affarijiet li jixxiebhu bħal bini storiku, pjazez u toroq.

    Skambji Skolastiċi 

    F’April ta’ din is-sena, fuq stedina tal-Iskola St Michael, ġew Malta numru ta’ studenti Sqallin u dawn kellhom diversi attivitajiet kulturali u rikreattivi flimkien mal-istudenti Maltin. Ftit tal-ġimgħat wara, f’Mejju 2019, kien imiss lill-istudenti Maltin imorru Sqallija, fil-provinċja ta’ Ragusa. Jiena wkoll, flimkien mas-Sur Louis Agius u l-LSE Andrew Gafa, kellna x-xorti nkunu mal-istudenti f’dan l-iskambju.

    L-iskola Taljana tinsab f’Donnalucata, lokalità li tagħmel parti mill-komun ta’ Scicli.  Fil-ħarġiet li kellna, dorna ħafna mill-postijiet li ntużaw għall-filming tas-serje Il Commissario Montalbano, fosthom il-Kastell ta’ Donnafugata, Fornace Penna f’Sampieri, Villa Fegotto u l-famuża Punta Secca fost l-oħrajn.

    Dan il-proġett kien ilu sejjer minn Ottubru 2017, u tlesta fl-aħħar xhur tas-sena skolastika 2018/19 li taħbat eżatt mal-25 sena anniversarju minn meta Andrea Camilleri ippubblika l-ewwel rumanz tiegħu ta’ Montalbano, l-20 sena anniversarju mill-ewwel film tal-istess serje, u issa inċidentalment is-sena meta ħalliena Andrea Camilleri.