Il-ġnien li jagħti serħan lil ġenituri li jitilfu tarbija waqt it-tqala

    Fil-Kanada jeżisti ġnien uniku li jgħin lill-familji jegħlbu l-istigma li teżisti li dwar il-korrimenti u t-trabi li jmutu waqt it-tqala. 

    Dwar dan il-ġnien titkellem Debbie Balino li wara li welldet l-ewwel tarbija tagħha bla problemi, ipprovat ikollha iżjed tfal flimkien ma’ żewġha. Kienet il-ħolma tagħhom li jkollhom familja kbira, iżda x-xorti kienet mod ieħor għax kif Debbie kien se jkollha t-tieni tifla Victoria din mietet wara 21 ġimgħa ta’ tqala. Dan kien l-ewwel korriment tagħha, iżda mhux l-aħħar wieħed għax kellha tmienja oħra wara. 

    Debbie tirrakkonta li kienet imkissra u ma kinitx taf x’għandha ħażin. Lanqas it-tobba ma setgħu jagħrfu għalxiex kien qed ikollha l-problemi. Huma mat-3,000 mara Kanadiżi li jmutulhom it-trabi fis-sena u hu rikonoxxut li bejn 15 u 20% tan-nisa tqal ikollhom korrimenti, madankollu mhux normali li xi ħadd jgħaddi minn disa’ korrimenti wara xulxin. 

    Ħamsa mit-trabi tagħha mietu fl-ewwel tliet xhur tat-tqala, filwaqt li l-erbgħa l-oħra mietu fit-tliet xhur ta’ wara. 

    Waqt dan kollu li kien qed jiġri f’ħajjithom, Debbie u l-familja tagħha bdew jistaqsu fejn qed jispiċċaw l-iġsma tat-trabi u kif jibqgħu mfakkrin. Filwaqt li huma wisq żgħar biex isirilhom funeral, madankollu xorta jkunu fiżikament preżenti u għalhekk ma jistgħux jiġu injorati. Debbie tirrakkonta li ħalliet lil Victoria l-isptar, fejn il-ġisem tagħha ġie msejjaħ bħala skart bioloġiku. Tistqarr li din kienet weġgħa kbira għaliha.  

    Filwaqt li fl-ewwel każ kienet wisq imkissra biex taħseb dwar funerali, fit-tieni korriment tagħha b’William wara 16-il ġimgħa, Debbie saret taf b’dan il-ġnien. Kien tabib li semmielha dan il-post li jismu Little Spirits Garden. 

    Dan il-ġnien hu ddedikat għall-memorja tat-tfal li jmutu waqt it-tqala. Sar fl-2012 u jinsab f’Royal Oak Burial Park, ċimiterju f’Victoria, British Columbia. 

    F’dan il-ġnien hemm diversi strippi tal-konkos u fuqhom hemm djar żgħar tal-konkrit li jirrappreżentaw kull tarbija li mietet. Filwaqt li hemm mal-400 dar, dan il-ġnien jesa sa 3,000 dar. 

    It-tobba li jkunu jafu b’nies li tilfu lit-trabi tagħhom, bħalma ġara fil-każ ta’ Debbie, jirreferuhom għat-tim li jieħu ħsieb dan il-ġnien. Is-servizz hu bla ħlas u jiġi sostnut b’donazzjonijiet min-nies. 

    Il-ġnien joffri wkoll il-possibbiltà li jekk tarbija tkun kremata, l-irmied tagħha jiġi mxerred f’sezzjoni speċjali fil-ġnien jew inkella jitpoġġew f’post apposta fil-ġnien. 

    Madankollu, il-ġenituri kollha jingħataw dik li tissejjaħ “dar tal-ispirtu”. Din hi magħmula minn konkrit raffinat u fiha hemm anke simbolu tal-ġuf li hu ripetutu ukoll fid-disinn tal-ġnien. Fil-konkrit stess hemm xi difetti apposta ħalli madwar in-nuqqas fil-konkrit jikber ukoll il-ħażiż. 

    Il-familji għandhom iċ-ċans li jiżbgħu jew iżejnu dawn id-djar kif jixtiequ huma. Inkella jistgħu jħalluha kif inhi u jiktbu biss isem it-tarbija. 

    Debbie tistqarr li meta tgħaddi minn korriment, tkun partikolarment diffiċli li lanqas ma jkollok il-ġisem tat-tarbija. Għalhekk, dan il-ġnien hu siewi għax joffri din id-dar li tissimbolizza dak il-ġisem. 

    Minkejja li Debbie saret taf b’dan il-ġnien fit-tieni korriment tagħha, hi xorta għamlet dar għall-ewwel tarbija. Imbagħad għamlet dar għas-seba’ korrimenti li kellha wara. Tistqarr li minn dan kollu hi kisbet is-sens ta’ validità u l-fatt li xi ħadd jista’ jara hi xi tħoss. Spjegat li l-familja tista’ tħares lejn din id-dar u tista’ ssejħilha d-dar tal-ispirtu tat-tarbija tagħhom. 

    Debbie tmur regolarment iżżur dawn id-disat idjar. Tmur meta jagħlqu sninhom - jiġifieri meta kellhom jitwieldu, f’Jum l-Omm, Jum il-Missier, fl-Għid u anke f’San Valentinu. Tgħid li hi u żewġha jkollhom bżonn li jagħmlu kuntatt mat-tfal tagħhom. 

    Dwar il-ġnien, Debbie tgħid li hu post li jħallik tħossok kif tixtieq dwar il-mewta tat-tfal tiegħek u anke tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek mingħajr ebda stigma. 

    Il-ġnien ġie ddisinjat mill-periti Kanadiżi Bill Pechet u Joseph Daly. L-ispirazzjoni ġiet miż-żmien li Pechet qatta’ fil-Ġappun. Kienet laqtitu ħafna t-tradizzjoni Buddista magħrufa bħala Jizo, fejn tinħoloq statwa żgħira li timmarka l-mewt ta’ tarbija. Dawn l-istatwi jitpoġġew fit-tempji u meta jkun hemm xi festival jiġu mgeżwrin bil-ħwejjeġ li jsiru mill-ġenituri u jitpoġġew kollha flimkien. 

    Kien għalhekk li dawn il-periti xtaqu jagħmlu xi ħaġa simili fil-Kanada. Madankollu, l-ewwel raw x’se jaħsbu n-nies li tilfu t-trabi dwarha. Stidnu lil dawn il-ġenituri, flimkien ma’ mexxejja reliġjużi u anke counsellors biex jaraw xi jkunu l-ħsibijiet. 

    Filwaqt li għall-bidu kien hemm reżistenza minn uħud li huma Kristjani, jidher li eventwalment kulħadd laqa’ l-idea u kien hekk li l-ġnien seta’ jsir. 

    Illum il-ġurnata huma bosta dawk li jmorru jżuru dan il-ġnien, anke minn postijiet ferm ‘il bogħod. Susan McMullen li ilha taħdem fil-park għal dawn l-aħħar ħames snin stqarret li kien hemm mara li talbet jekk jista’ ikollha dar għal tarbija li mititilha fl-1955. Spjegat li din id-dar ingħatatilha. Susan innifisha għandha żewġt idjar fil-ġnien. Waħda hi tagħha u l-oħra hi ta’ korriment li kellha ommha u li kien baqa’ jinkwetaha.