Napoli jibqgħu “joħolmu” fuq James Rodriguez

    Kull partitarju fil-belt ta’ Napoli għadu qed “joħlom” bl-akkwist tal-player ta’ Real Madrid James Rodriguez. Anke l-ogħla awtoritajiet Partenopei qed jirsistu sabiex din il-ħolma ssir realtá. Id-direttur sportiv tal-klabb, Cristiano Giuntoli, qed jaħdem sabiex ikun jista’ jiffinanzja dan it-trasferiment billi jkompli jbigħ xi plejers li hemm fl-iskwadra.

    Wara Vinicius, Rog, Sepe, Grassi u Inglese jidher imminenti li żewġ plejers oħra jsellmu lill-belt ta’ Napoli u dawn huma Elseid Hysaj u Adam Ounas. Minkejja kollox, għad mhux magħruf fejn tista’ tkun id-destinazzjoni tagħhom li jmiss.

    Min-naħa l-oħra jidher li Mario Rui għandu jibqa’ mal-iskwadra għall-istaġun li ġej hekk kif il-wirjiet tiegħu f’dan il-pre-season jidhru li qed jikkonvinċu lill-coach Carlo Ancelotti.