Diego Demme flok Jordan Veretout?

    Issa li hu kważi ċert li Jordan Veretout ser jitlaq lil Fiorentina u jingħaqad ma’ Roma, id-direttur sportiv tal-Viola, Daniele Prade, qed jaħdem sabiex isib sostitut denju għalih. L-għażla tidher li waqgħet fuq il-player ta’ nofs il-grawnd ta’ RB Leipzig Diego Demme. Dan tal-aħħar huwa plejer Ġermaniż ta’ 27 sena li minkejja kollox għandu wkoll dixxendenza Taljana. Fil-fatt missieru hu partitarju kbir ta’ Napoli u semma’ lit-tifel tiegħu għal Diego Armando Maradona.

    Leipzig qed jitolbu s-somma ta’ €30 miljun għalih u Demme huwa favorevoli li jmur jilgħab f’pajjiż missieru.

    Huwa skorja goal wieħed biss f’162 darba li lagħab mat-team Ġermaniż kemm ilu li ngħaqad magħhom fis-sena 2014. Aktar qabel hu kien jilgħab ma’ Arminia Bielefield u Paderborn.

    Demme kellu ċ-ċans jiddebutta mat-team nazzjonali Ġermaniż fl-2017 f’logħba ta’ ħbiberija kontra d-Danimarka.