MFA: Illum jiġi elet president ġdid

    Meta llum titlaqqa’ l-Laqgħa Ġeneral Annwali tal-MFA, l-interess partikolari se jkun immirat fuq l-elezzjoni għal president ġdid.

    Għaldaqstant, illum tintemm ukoll l-era tal-president, Norman Darmanin Demanjo, li ilu fil-kariga għal dawn l-aħħar disa’ snin fejn iddeċieda li ma jkompliex f’din ir-responsabbiltá. Bla dubju, matul dawn id-disa’ snin, is-Sur Darmanin Demajo kien strumentali biex illum il-clubs għandhom l-infras­truttura tagħhom.

    Iż-żewġ kandidati li se jikkontestaw għall-presidenza huwa, Dr Chris Bonett u Bjorn Vassallo.

    Barra minn hekk se ssir ukoll l-elezzjoni għal tliet karigi ta’ viċi-presidenti li se jkunu kontestati minn sitt kandidati: Adrian Casha, Corey Greenland, Peter Fenech, Alex Manfré, Ludovico Micallef u Matthew Paris. 

    Il-kariga ta’ teżorier se tibqa’ tinżamm minn Ivan Mizzi minħabba li mhux se jkun kontestat.

    L-ewwel elezzjoni tkun dik tal-president wara li jkunu approvati l-minuti tal-Laqgħa Ġenerali Annwali 2018, ir-rapport amministrattiv u dak finanzjarju. Imbagħad isiru xi emendi tal-istatut kif ukoll isiru xi mozzjonijiet.

    Fl-aħħarnett, is-Sur Darmanin Demajo jagħmel id-diskors tal-għeluq biex imbagħad iċedi x-xettru lill-president il-ġdid li jiġi elett.