“Intom se tmutu!” … L-għajjat tar-raġel qabel ma ta n-nar lill-binja ta' KyoAni lbieraħ

    “Intom se tmutu!” Hekk beda jgħajjat ir-raġel li daħal fl-istudjo ta’ animazzjoni fil-belt Ġappuniża ta’ Kyoto qabel ma ta n-nar lill-binja. Kaġun tan-nirien mietu 33 persuna.

    L-awtoritajiet Ġappuniżi qalu li fl-inċident indarbu wkoll għexieren ta’ persuni oħrajn.

    Ir-raġel li ta n-nar lill-binja qed jirċievi kura għall-ġrieħi li ġarrab kaġun tal-ħruq.

    Il-Pulizija Ġappuniża qed tgħid li s-suspettat għandu 41 sena u ma kienx impjegat fl-istudjo tal-animazzjoni. L-investigaturi intant ma taw l-ebda dettall dwar x’setgħet kienet ir-raġuni wara dan l-attakk. Madankollu xhud li kien fuq il-post f’kummenti lil stazzjon televiżiv qal li r-raġel beda jgħajjat li kienet insterqitlu xi ħaġa, possibbilment mill-kumpanija.

    Il-kumpanija Kyoto Animation, li kienet magħrufa aħjar bħala KyoAni, ilha topera sa mill-1981 fil-qasam tal-animazzjoni u fost l-aktar karattri popolari tagħha hemm Lucky Star, K-On! u Haruhi Suzumiya.