Tfal u żgħażagħ jiddiskutu mal-Membri Parlamentari Ewropej fil-Parlament ta’ Malta

    “Qed niltaqgħu biex nitkellmu flimkien fuq affarijiet ta’ interess komuni li jolqtu lilna lkoll. Meta saritli din il-proposta mill-President Emeritus Coleiro Preca, jien mill-ewwel ilqajtha għaliex verament inħoss li l-Parlament m’għandux ikun biss il-post fejn jinġabru l-parlamentari biex jiddiskutu l-liġijiet u proposti oħra. Inħoss li bħala istituzzjoni l-Parlament għandu jkun miftuħ biex il-poplu jsib il-kenn tiegħu fih, fejn jesprimi b’mod ħieles l-ideat u l-ħsibijiet, l-interessi, ix-xewqat, l-aspirazzjonijiet tiegħu u dawk  l-affarijiet li jistgħu jdejquh. Għandu wkoll iressaq proposti u suġġerimenti kemm dwar affarijiet li jkun qed jikkunsidra l-Parlament  kif ukoll inizjattivi ġodda bil-għan li titjieb il-ħajja f’pajjiżna”.

    Dan qalu l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia meta laqa’ fil-Parlament tfal u żgħażagħ li flimkien mal-Membri Parlamentari Ewropej iddiskutew temi ta’ importanza ġenerali bħall-esklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-ambjent u s-saħħa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

    Din id-diskussjoni ġiet indirizzata wkoll mill-President Emeritus u miċ-Chair tal-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà Marie-Louise Coleiro Preca.

    Intervjenew matul din id-diskussjoni l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin Miriam Dalli, Alfred Sant, Roberta Metsola, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar.