Servizz ta’ sbuħija għall-anzjani fid-djar residenzjali

    Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo Degabriele, inawguraw salon tax-xagħar ġdid ġewwa d-dar residenzjali tal-anzjani fl-Imtarfa.

    B’hekk, f’għeluq sninhom, madwar 2,500 anzjan li jagħmlu użu mis-servizzi residenzjali tad-Dipartiment, se jkunu jistgħu jgawdu minn servizz b’xejn ta’ hairdressers ikkwalifikati ġewwa dan is-salon

    Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis stqarr illi dan il-proġett huwa ħolqa oħra minn kullana ta’ servizzi u inizjattivi li dan il-gvern qiegħed jimplimenta bħala parti mill-politika t’anzjanità attiva. L-għan wara dan kollu huwa li l-anzjani tagħna, wara li jkunu taw kontribut qawwi lejn is-soċjetà Maltija, ikomplu jgħixu b’dinjità.

    Dr Renzo Degabriele spjega illi dan is-salon sar permezz ta’ investiment ta’ madwar €14,000, filwaqt li spikkat il-kooperazzjoni u l-impenn ta’  ħaddiema tad-Dipartiment u tad-dar residenzjali tal-Imtarfa biex twettaq dan il-proġett fi ftit xhur.

    Dan is-salon sar b’disinn u stil “retro” u ġie żviluppat mill-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment flimkien mal-Assistent Direttur u l-management responsabbli sabiex l-anzjani li jżuru dan is-salonjiftakru fiż-żmien tal-imgħoddi u jġeddilhom memorji sbieħ. 

    Dan il-proġett huwa parti mill-viżjoni tad-Dipartiment għad-djar residenzjali biex l-anzjani jgħixu f’ambjent ta’ “Dar Mhux Sptar”. Din il-viżjoni tinkludi r-rinovar tad-djar residenzjali tal-anzjani kollha tal-Gvern u kif ukoll titjib kontinwu fis-servizzi pprovduti.