It-Taljan li ħażżeż mal-Belt kien diġà għamel l-istess f'Ruma... l-aktar vandalu mfittex f'10 snin

    Taljan dilettant tal-graffitti ammetta li kien hu li ħażżeż kliem ma' diversi postijiet fil-Belt.

    Cesare Citriniti, li għandu 37 sena u jgħix is-Swieqi, ingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm isir rapport dwaru qabel mal-Maġistrat Nadina Lia tagħti s-sentenza.

    Il-profil tiegħu ta' Facebook huwa mimli tpinġijiet li għamel u Citriniti stess jgħid li beda jħażżeż il-graffitti mal-ferroviji mindu kien żgħir.

    Huwa jgħid li kien anke jħażżeż mal-ħitan ta' Ruma u kien l-iktar vandalu mfittex għal 10 snin.

    Citriniti nqabad minn filmati li ppubblika l-Kunsill Lokali tal-Belt li wassal biex il-Pulizija ħarġet tappella lill-pubbliku għal min seta' jidentifikah.

    Sakemm tingħata s-sentenza huwa nħeles fuq depożitu ta' €3,000 u garanzija personali ta' €10,000.

    It-Taljan tressaq fil-Qorti mill-Ispettur Priscilla Caruana Lee mentri għalih dehret l-Avukat Graziella Tanti.