UEFA Europa League: Illum Balzan jilagħbu kontra NK Domzale

    Proprju llum Balzan se jiftħu b’mod uffiċjali l-impenji tagħhom għall-istaġun 2019-20  meta jilagħ-bu fl-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League kon­tra NK Domzale tas-Slovenja.

    Din ser tkun logħba ferm importanti għat-team immexxi mill-coach, Jacques Scerri, fit-tentattiv li jipprova jgħaddi minn round ieħor ta’ din il-kompetizzjoni.

    Il-Balzanin għandhom il-moral għoli wara li fl-aħħar parti tal-istaġun li għadda rebħu l-ewwel unur fl-istorja tal-club bir-rebħ tal-FA Trophy wara li għelbu lil Valletta 5-4 bl-għoti tal-penalties wa­ra li l-finali ntemmet fi draw ta’ 4-4.

    Din ir-rebħa tathom iċ-ċans li jilagħbu f’din it-tieni l-aqwa kompetizzjoni Ewropea wara li fil-kampjonat setgħu jispiċċaw biss fis-sitt post tal-klassifika.

    Intant, f’konferenza stampa li ġiet indirizzata l-bieraħ fis-sala ewlenija tas-Centenary Stadium, Scerri qal li kellu ċ-ċans jara lit-team tiegħu mill-viċin fil-pre-season li beda ftit tal-ġimgħat ilu u li sar fis-Slovenja stess.

    Fil-fatt Balzan lagħbu tliet partiti ta’ ħbiberija kontra timijiet tal-pajjiż fejn rebħu waħda u ġew draw fit-tnejn l-oħra.

    Il-coach Balzani kompla jgħid li kien sodisfatt bil-wirjiet li taw il-players tiegħu u qed iħares ‘il qud­diem lejn dan l-impenn diffiċli.

    Meta mistoqsi jekk jemminx li Balzan jistgħu ta­bilħaqq jikkwalifikaw għat-tieni round, Scerri wieġeb li ladarba t-team immexxi minnu qed jilgħab f’din il-kompetizzjoni,  jemmen li teżisti possibbiltá li jaqtgħu l-pas­saġġ għar-round sussegwenti.

    Tal-istess fehma kienu l-president Anton Tagliaferro u l-captain Steve Bezzina li min-naħa tagħhom appellew bis-sħiħ lill-pubbliku sportiv Malti biex jattendi bi ħġaru għal din il-partita u jagħti s-sapport massimu lil Balzan.

    Intant, il-coach Jacques Scerri ħabbar ukoll li għall-konfront tal-lum il-player mill-Bosnja, Aleksandar Kosoric, jinsab dubjuż hekk kif għadu qed jirkupra minn injury.

    Scerri se jkun qed jafda l-attakk tiegħu permezz tal-aqwa skorers tat-team tal-istaġun li għadda - Alfred Effiong u Andrija Majdevac - li fil-logħbiet ta’ ħbiberija fis-Slovenja kienu wkoll fost l-iskorers.

    F’dan is-suq tat-trasferimenti Balzan s’issa akkwistaw tliet players  li huma l-ex goalkeeper ta’ Birkirkara Kristijan Naumowski, id-difensur Olandiż Augustine Loof u l-player ta’ nofs il-ground, is-Serb Stefan Dimic. Dawn it-tliet players għand­hom jgħinu biex  jintlaħqu l-obbjettivi ewlenin fl-istaġun li ġej.

    NK Domzale  fl-istaġun li għadda temmew il-kampjonat Sloven fit-tielet post tal-klassifika bi 63 punt miksuba minn 36 partita. Huma spiċ­ċaw wara ċ-champions Maribor u Olimpija NK li spiċċaw fit-tieni post

    Il-club ġie mwaqqaf fl-1920 u s-sena d-dieġla se jiċċelebraw ċ-ċentinarju tagħhom. Huma rebħu darbtejn il-kampjonat, it-tazza tal-pajjiż u s-Super Cup.

    Huma jilagħbu l-logħbiet tagħhom fid-Domzale Sports Park li jesa’ madwar 3,100 spettatur.

    Matul l-istaġun li għadda spikkaw iż-żewġ players barranin,  il-Ġamajkan Sha­mar Nicholson u l-Bosnjan Senijad Ibricic.

    Nicholson spiċċa l-aqwa skorer ta-team bi 13-il goal waqt li sieħbu Ibricic sab ix-xibka 10 dar­biet. Dawn iż-żewġ players għandhom ikunu ta’ theddida għad-difiża Balzanija li se tkun qed tagħtihom l-attenzjoni meħ-tieġa.

    Il-coach huwa Simon Rozman, Sloven ta’ 36 sena li ilu jmexxi lit-team sa mill-2016. Hu wassal lil dan it-team sar-round tal-play-off tal-UEFA Europa League 2017-18 filwaqt li saħansitra eliminaw lill-Ġermaniżi ta’ SC Freiburg.

    Il-logħba ser tintlagħab fis-Centenary Stadium li ser ikun qed jilqa’ it-tieni partita mill-UEFA Europa League wara r-rinnovar li sar dan l-aħħar mill-MFA. Din il-partita tibda fis-6.30pm.