Imħallef twissi raġel li baqa' jsegwi lill-eks-mara

    Raġel li baqa' jsegwi lill-eks-mara wara li nfirdu u bdiet relazzjoni ma' ieħor kien marbut għal sena biex ma jsegwix il-passi tagħhom inkella jiġi immultat €2,000.

    Ir-raġel u l-mara għandhom tifla ta' disa' snin u tressaq fil-Qorti wara li mhux biss baqa' jsegwiha imma anke kien jibgħatilha diversi messaġġi biex juriha li jaf fejn kienet kif ukoll oħrajn b'tgħajjir.

    Meta l-mara u s-sieħeb tagħha kien se jkollhom tarbija huma spiċċaw ingħataw parir minn psikologa biex il-mara ma tibqax twieġeb it-telefonati tiegħu.

    Huwa nstab ħati li taha fastidju u kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien xahrejn u għalkemm appella l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħditlu t-talba.

    Hija iddikjarat li għalkemm tifhem li fis-separazzjonijiet ikun hemm ċertu ansjetà u forsi rabja dan ma jfissirx li parti għandha ssegwi l-passi tal-oħra waqt li saħqet li kulħadd għandu jitħalla jgħix ħajtu kif irid basta fil-parametri tal-liġi.