Kunsillier Furjaniż jisħaq dwar il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għal sfidi li jirrepetu ruħhom ta' kull sena kaġun tal-Isle of MTV

    James Ellul, kunsillier fil-Kunsill tal-Floriana saħaq li minkejja li l-kunċert tal-Isle of MTV kien wieħed ta’ suċċess taħt diversi aspetti – fosthom mil-lat ta’ divertiment, kummerċ, u anke tindif tal-Fosos – huwa tenna li l-Kunsill xorta waħda qed jispiċċa jiffaċċja numru ta’ sfidi li mhux biss qed jirrepetu ruħhom minn sena għal oħra, iżda saħansitra wħud minnhom qegħdin anke jikbru.

    Ellul saħaq li huwa fatt li numru ta’ residenti qed jispiċċaw ikunu maqfula f’darhom anke minn jiem qabel. Dan filwaqt li esperjenzaw episodji xejn pjaċevoli wara biebhom jew mal-vetturi tagħhom. Huwa rrefera wkoll għall-istorbju minn jiem qabel l-iżvolġiment tal-kunċert b’detriment għall-mistrieħ tar-residenti tal-inħawi.

    Filwaqt li saħaq li mhuwiex kontra l-kunċert, ir-residenti Furjaniżi qed jispiċċaw iħabbtu wiċċhom ma’ numru ta’ problemi u għaldaqstant jeħtieġ li dawn l-isfidi jkunu solvuti b’mod realistiku.