Il-Malta International Airshow lura mill-ġdid is-sena li ġejja?

    Il-Malta International Airshow taf terġa’ tiżvolġi mill-ġdid is-sena li ġejja wara waqfien għal dawn l-aħħar sentejn. Kienet is-Soċjetà Maltija għall-Avjazzjoni li żvelat dan, wara li f’kumment li għamlet saħqet li tinsab f’taħditiet mal-Ministeru għat-Turiżmu, liema taħditiet kienu deskritti bħala li kienu fi stadju avvanzat.

    Jekk terġa’ tiżvolġi mill-ġdid, din se tkun is-26-il edizzjoni tal-Malta International Airshow, bis-Soċjetà Maltija għall-Avjazzjoni tisħaq li l-wirja kellha tieqaf ħesrem minħabba l-problema finanzjarja u n-nuqqas ta’ qbil mal-Gvern f’dan ir-rigward.

    L-organizzaturi tal-wirja qalu li din il-kwistjoni issa jidher li ntlaħaq qbil dwarha, bil-ftehim aħħari mistenni li jiġi finalizzat fiż-żmien li ġej.