Is-Serb imfittex fuq feriment f’Buġibba għadu ma nstabx

    Il-Pulizija għadha qed tfittex lir-raġel mis-Serbja b’rabta mal-feriment ta’ raġel ieħor mill-Maċedonja li seħħ f’Ġunju li għadda f’Buġibba. 

    L-allegat aggressur ġie identifikat bħala Milos Vidakovic ta’ 32 sena, bil-Pulizija tippubblika wkoll ritratt tiegħu fejn talbet l-għajnuna tal-pubbliku biex dan jinstab. 

    Il-każ seħħ nhar l-24 ta’ Ġunju, għall-ħabta tad-9.30 p.m. meta l-Pulizija ġew mgħarrfa li raġel barrani mar fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta kollu dmija u minn hemm ittieħed l-Isptar Mater b’ambulanza.

    Mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li raġel Maċedonjan ta’ 58 sena kien qala’ daqqiet b’arma li taqta’ u bil-ponta waqt argument li seħħ fi Triq il-Korp tal-Pijunieri, f’Buġibba. Huwa ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ta’ natura serja.

    Minnufih bdiet it-tfittxija għall-allegat aggressur f’San Pawl il-Baħar li ssoktat fl-inħawi tal-Mosta fejn allegatament ġie rrapportat li deher f’din il-lokalità.

    It-tfittxija għalih għadha għaddejja, b’sorsi qrib l-investigazzjonijiet li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalulna li ma kellhom l-ebda riżultat pożittiv.