Divock Origi jġedded ma’ Liverpool

    L-attakkant Divock Origi, iffirma kuntratt ġdid fit-tul ma’ Liverpool wara li fil-bidu ta’ Ġunju għenhom jirbħu ċ-Champions League.

    Ir-Reds kienu ħallsu £10 miljun biex kisbu lill-internazzjonali Belġjan ta’ 24 sena, min­għand Lille ta’ Franza fl-2014 b’kuntratt għal ħames snin.

    Għall-istaġun 2017-18 Origi kien ġie misluf lil Wolfsburg fil-Bundesliga, iżda rritorna biex lejn l-aħħar tal-istaġun li għadda għamel impatt kbir f’Anfield.

    Wara li skorja doppjetta kontra Barcelona fis-semi-finali taċ-Champions League, meta minn telfa away ta’ 3-0 dawruha f’rebħa drammatika ta’ 4-3 f’Anfield, huwa skorja l-goal deċiżiv li ssiġilla r-rebħa ta’ 2-0 kontra Tottenham Hotspur fil-finali li saret fil-Wanda Metropolitan Stadium ta’ Atletico Madrid.