Ma jħallux is-cerebral palsy milli twaqqafhom li jsiru bodybuilders

    Wade u BJ huma koppja minn Houston Texas li minkejja li għandhom cerebral palsy u scoliosis xorta ma qatgħux qalbhom milli jsiru bodybuilders. L-istorja tagħhom hi waħda li qanqlet ħafna interess. Minkejja din il-kundizzjoni kiefra li għexu biha matul ħajjithom kollha, xorta ma waqfux milli jwettqu l-ħolm tagħhom li jagħmlu l-eżerċizzju fil-gym u jsiru bodybuilders.  

    Wade Washington jirrakkonta li hu u martu rebħu bosta kompetizzjonijiet tal-bodybuilding. Jispjega li kienu pijunieri f’kompetizzjonijiet bħal dawn u għalhekk iħossuhom kburin ħafna b’dak li rnexxielhom jiksbu. 

    Jirrakkonta li kien meta kellu biss 11-il xahar li sar magħruf li kellu cerebral palsy. Sena wara sar jaf ukoll li kellu scoliosis. Min-naħa l-oħra, il-mara tiegħu BJ Glaze kienet taf li għandha cerebral palsy malli twieldet. 

    Wade jgħd li hemm mas-17-il miljun persuna fid-dinja li għandhom din il-kundizzjoni. Jistqarr li kemm hu, kif ukoll martu sofrew minn ħafna bbuljar u għalhekk il-ħajja mhux dejjem kienet faċli. BJ tgħid li minħabba l-mod kif titkellem, kien hemm ħafna min kien jgħajjarha. 

    Mistoqsi dwar kif iltaqgħu l-ewwel darba, Wade qal li l-ewwel darba li ltaqgħu kien fi il-Kulleġġ ta’ Houston Community. Ilhom flimkien mill-1993. 

    Meta nanntu kienet qiegħda tmut, kienet qaltlu biex jibqa’ jħares ‘il quddiem u jagħmel xi ħaġa utli b’ħajtu. Jistqarr li hu ried li jkun bodybuilder jew wrestler professjonali. Madankollu, bid-daħka jgħid li ħass li r-wrestling kien se jkun xi ftit aktar perikoluż u allura għażel il-bodybuilding. 

    Wade beda jmur għat-taħriġ għand Tina Chandler. Malli qalilha li xtaq isir bodybuilder hi nħasdet u għal xi ħin baqgħet tirrifletti dwar dan. Tirrakkonta li ġieli kienet rat lil Wade l-gym. Kellu attitudni ħelwa u allura riedet tara li vera kien qed jgħidilha bis-serjetà. Filwaqt li aċċettat ix-xewqa tiegħu, Tina poġġiet bilqiegħda miegħu u ddiskutew pjan ta’ kif se jilħqu dak li jixtieq. Tistqarr li minnufih wera l-intensità u l-passjoni li kellu. Kien serju ħafna fl-eżerċizzju u għalhekk indunat li ried li jsir bodybuilder bis-serjetà. Tina ma qatgħetx qalbha u aċċettat din l-isfida. 

    Tina mhux biss tieħu ħsieb il-fitness u l-kowċing tal-koppja, talli anke saret ħabiba tal-familja. Jassistiha għandha lil Carl Ducena li jieħu ħsieb biex jagħti l-motivazzjoni lit-tim. Hu jgħaqqadhom bħala tim u jagħmlilhom il-kuraġġ biex jitħarrġu. 

    Carl jiddeskrivi li Tina minnufih bdiet tfittex fuq l-internet dwar il-kundizzjoni li għandha din il-koppja ħalli tara safejn setgħu jitħarrġu. Jispjega li malli aċċettat din l-isfida, hi riedet tagħmilha bis-serjetà. 

    Il-koppja bdew imorru l-gym, tal-inqas tliet darbiet fil-ġimgħa. Wade sar bodybuilder u malli rebaħ l-ewwel kompetizzjoni, BJ marret fuq Tina u qaltilha li se tħalliha tħarriġha. Wara sentejn, BJ kienet tilfet ħafna mill-piż u llum xejn ma jwaqqafha milli tkompli titħarreġ. 

    Tina u Carl għallmuhom kollox. Wade ilu jitħarreġ għal dawn l-aħħar erba’ snin, filwaqt li BJ ilha għal dawn l-aħħar tliet snin. Il-kunfidenza fihom infushom żdiedet ħafna. xi ħaġa wisq sabiħ li tara. 

    Uħud mid-dgħufijiet ta’ Wade u BJ huma relatati mal-kordinazzjoni ta’ saqajhom, il-mixi u l-eżerċizzji bis-saqajn. Fil-bidu, idejn Wade ma kinux jirrispondu għall-piż u lanqas kien jista’ jgħollihom sew. Però, maż-żmien beda jżid fis-saħħa u issa  jirnexxilu jerfa’ ammonti konsiderevoli. Fil-fatt, Wade jirrakkonta li llum fuq bench press jirnexxielu jtella’ massimu ta’ 55 kilogramma. 

    Tina tispjega li Wade llum kapaċi juża ħafna mill-magni waħdu. Min-naħa l-oħra, ma’ BJ għadha trid tvarja xi ftit il-movimenti li jagħmlu. Madankollu, irnexxielha żżid il-kunfidenza f’dak li jagħmlu u qed jirnexxielha tagħmel il-push ups. Fil-fatt, ġieli tħalliha waħedha u tgħidilha biex tqum. BJ titlobha biex tgħinha, iżda Tina tagħtiha l-motivazzjoni billi tistaqsiha kieku x’tagħmel kieku qiegħda waħedha. 

    Permezz tax-xogħol tagħha ma’ Wade u BJ, Tina qed jirnexxielha toħloq kuxjenza fost il-komunitajiet tal-persuni b’diżabilità. Il-kumpanija tagħha Normal To Be Fit nediet sezzjoni li topera mingħajr profitt. Grupp ta’ voluntiera jipprovdu servizzi bla ħlas għall-affarijiet kollha relatati mal-gym. Anke Wade qiegħed jagħti sehmu f’din l-inizjattiva, fejn jagħmel ħiltu kollha biex ixerred il-messaġġ li s-cerebral palsy, l-iscoliosis u anke diżabilitajiet oħra ma jwaqqfux lin-nies milli jwettqu l-ħolm tagħhom. 

    Tina tgħid li Wade u BJ issa qegħdin imorru jagħmlu l-volontarjat ma’ ħaddieħor. Emozzjonata tistqarr li tieħu gost tara kemm huma kburin meta jgħinu lil ħaddieħor. Min-naħa l-oħra, anke BJ titkellem ma’ nies oħra li jħossuhom dipressi u mdejqin. Ikun hemm minn dawn in-nies li ma jkunux iridu jagħmlu t-taħriġ u għalhekk tmur ħdejhom u tgħidilhom biex tgħinhom. 

    Wade jirrakkonta li hu jgħin lin-nies waqt li jieħdu t-taħriġ fuq magni differenti. Jgħid li jħossu bħal assistent fil-gym. Il-mara tiegħu wkoll tgħin lin-nies għax tagħtihom il-motivazzjoni. Tagħmlilhom il-kuraġġ u tgħidilhom li jekk jirnexxilha tagħmel l-eżerċizzju hi, allura jistgħu jagħmluh huma wkoll. 

    Wade jixtieq li eventwalment isir personal trainer. Xejn mhu faċli iżda l-koppja jgħidu li huma jġegħluha tidher bħala xi ħaġa faċli. Jistqarru li mhumiex bi ħsiebhom jieqfu jagħmlu dan u mhux se jwaqqfu din l-ispirazzjoni lejn nies oħra. 

    BJ tgħid li hi kburija b’Wade għax irnexxielu jegħleb diversi sfidi kbar. Tgħid li ratu jsir ħafna aktar b’saħħtu u dejjem baqgħet maġenbu. Wade jemozzjona ruħu jisma’ dan il-kliem u jgħid li hu wkoll kburi ħafna bil-mara tiegħu. Jgħid li hi rnexxielha tegħleb ħafna sfidi, naqset ħafna fil-piż u anke qiegħda tagħmel il-bodybuilding. Għalih dan hu pass kbir ħafna għaliha, iżda rnexxielhom jaslu flimkien. 

    Carl ma jħossx li s-cerebral palsy u l-iscoliosis qegħdin iwaqqfu lil din il-koppja minn xi ħaġa. Wade u BJ se jibqgħu jagħmlu l-eżerċizzji ħalli jsiru aħjar u jikbru f’ġisimhom.