Parma jibqgħu jinsistu għal Mario Balotelli

    Parma għadhom qed jirsistu mhux ftit sabiex iġibu magħhom lill-attakkant internazzjonali Taljan Mario Balotelli. Il-player ta’ 28 sena għadu ġej minn sitt xhur self ma’ Olympique Marseille wara l-perjodu ma’ Nice li kien wieħed ta’ tlugħ u nżul. Issa hu jrid jerġa’ jirritorna l-Italja sabiex jipprova jagħti ħajja lill-karriera tiegħu bil-kontroversji mdawrin miegħu li qatt ma waqfu.

    Id-direttur sportiv ta’ Parma Daniele Faggiano qed jaħdem mad-diriġenti ta’ Nice sabiex jaslu għall-prezz ġust u b’hekk ikun jista’ jakkwista lil dan il-player. Min-naħa tiegħu Balotelli hu favorevoli għal din il-mossa minħabba li jkun viċin belt twelidu Brescia filwaqt li jaf li jista’ jaħdem bil-kwiet f’ambjent li kapaċi joffrulu Parma. Il-partitarji tal-klabb diġa’ qed joħolmu koppja fl-attakk ma’ Gervinho.

    Balotelli jrid juri wkoll lill-coach tat-team nazzjonali Roberto Mancini li għadu kapaċi jiġi mgħajjat għal pajjiżu.