[FILMAT] “Sa Ottubru se jkollna l-Avukat tal-Istat“

    Wara li jkun diskuss u approvat l-abbozz ta’ liġi li se joftom il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali skont kif issuġġeriet il-Kummissjoni Venezja, il-mira se tkun li sa Ottubru li ġej, sal-ftuħ tas-Sena Forensi, ikun ħa postu l-Avukat tal-Istat u jkun spalla ma’ spalla mal-istituzzjonijiet l-oħra fil-qasam tal-ġustizzja.

    Dan sostnieh il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici f’kummenti li għadda lil inewsmalta meta mistoqsi fuq din il-liġi li permezz tagħha se jinħoloq uffiċċju tal-Avukat tal-Istat li se jiffoka fuq funzjonijiet ċivili li llum qed jagħmel l-Avukat Ġenerali.

    L-abbozz se jżid il-poteri tal-Avukat Ġenerali, biex malli l-liġi tidħol fis-seħħ b’mod immedjat, dan jiffoka biss fuq kwistjonijiet kriminali. L-Avukat Ġenerali se jingħata poteri ġodda biex jesiġi li l-Pulizija tinvestiga ċerti każijiet, biex jitlob informazzjoni lill-Pulizija dwar l-istat ta’ investigazzjonijiet u biex jesiġi li l-Pulizija toħroġ akkużi. L-Avukat Ġenerali se jkollu wkoll is-setgħa, suġġett għal miżuri tranżitorji meħtieġa, li jkun prosekutur fil-qrati kollha dwar kull reat.

    Apparti dan, l-abbozz apparti li jissepara l-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali, jiffaċilita wkoll is-separazzjoni tal-funzjonijiet investigattivi, li ġeneralment jitwettqu mill-Pulizija, iżda f’oqsma partikolari jitwettqu minn aġenziji pubbliċi speċjalizzati oħra, mill-funzjonijiet ta’ prosekuzzjoni. Dan biex tiġi assigurata iżjed l-indipendenza tal-prosekuzzjoni.

    Fil-kummenti tiegħu, l-Ministru Bonnici qalilna li issa jonqos l-istadju tad-diskussjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi fejn il-klawsoli kollha tal-abbozz jiġu diskussi fid-dettall mil-lat tekniku waħda wara l-oħra. Id-diskussjoni mistennija li ssir fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju waqt li bħalissa għaddejjin taħdidiet mal-Oppożizzjoni biex titfassal l-iskeda.

    Fi tmiem ta’ din id-diskussjoni, l-abbozz jitressaq quddiem il-Parlament, fejn jinqara’ għat-tielet darba biex imbagħad jidħlu fis-seħħ il-miżuri elenkati. Hekk kif tidħol fis-seħħ il-liġi, ssir sejħa biex kull min hu interessat li jsir Avukat tal-Istat japplika għal din il-kariga. Huwa maħsub li dan il-proċess se jieħu bejn wieħed u ieħor tmiem ġimgħat.

    “Għall-ewwel darba fl-istorja se jkun hemm bord ta’ evalwazzjoni li mbagħad jagħti parir lill-Gvern dwar liema kandidat huwa l-aktar idoenu. Kif imbagħad jintgħażel, tidħol fis-seħħ dik il-parti tal-liġi li toħloq l-Avukat tal-Istat. L-Avukat Ġenerali se jibqa’ responsabbli mill-funzjonijiet kriminali, dawk ċivili jgħaddu għand l-Avukat tal-Istat,” spjega l-Ministru Bonnici. 

    Mistoqsi dwar x’rispons kellhom fuq din il-liġi, huwa qal li, “naħseb li r-rispons kien wieħed pożittiv. Ħafna nies apprezzaw li wara d-diskors li sar fuq il-bżonn li jinqasmu l-irwoli tal-Avukat Ġenerali, din fil-fatt se ssir  u b’mod li t-tranżizzjoni tkun waħda li tagħmel sens.”

    Filmat: ALAN SALIBA